Fost iċ-ċapċip tal-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li ħonqu l-padilljun sportiv ta’ Raħal Ġdid il-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela għamel l-ewwel diskors tiegħu bħala mexxej Laburista.
Fil-preżenza ta’ martu Lydia, bintu Giorgia u l-ġenituri tiegħu George u Margaret, Robert ddedika l-ewwel parti tad-diskors tiegħu favur l-għaqda.
Il-Mexxej Laburista stqarr: “Aħna wkoll inħobbukom, inħobbukom mhux biss minn mument iebes li għaddejna flimkien fih fejn bkejna u kellna swied ta’ qalb. Mument li l-partit ma kellux x’jaħti fih u lanqas intom. Kontu intom li ħriġtuna minnu. Intom li mill-mument li bdiet il-kampanja Kollha kellkom xi haga komuni thobbu l-partit.”
Hawnhekk Abela sostna li fi proċess li qasam lill-Partit Nazzjonalista minn nofs, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu minnu magħqud aktar minn qatt qabel.
Huwa rringrazzja wkoll lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Tenna li minn dan il-mument ma jridx jisma’ aktar bin-nies ta’ Robert u n-nies ta’ Chris Fearne.
Dr Abela sostna: “Mil-lum ma rridx nisma’ aktar bin-nies ta’ Chris u ta’ Robert. Aħna lkoll tfal tal-Partit.”
Huwa rringrazzja wkoll lil Chris Fearne wara li l-Ħadd filgħodu għamel kuntatt miegħu u awguralu għal din ir-rebħa. Dr Abela tenna: “Grazzi speċjali tmur lill-ħabib tiegħi Chris. Grazzi Chris tal-kandidatura, tal-ħbiberija. Dalgħodu ħadt pjaċir nitkellmu flimkien. Apprezzajt l-awguri tiegħu.”
Fid-diskors tiegħu Abela appella wkoll lil dawk li sa issa għadhom mhux konvinti minnu. Tenna li huwa se jibqa’ jiġri warajhom sabiex jikkonvinċihom li l-Partit Laburista huwa l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin. Huwa kompla jgħid: “Inwegħedkom li dawk kollha li sal-lum għadkom mhux konvinti minni u jemmnu li l-Partit Laburista huwa l-għażla naturali tagħkom se nibqa’ niġri warajkom biex nikkonvinċikom wieħed wieħed. “
Dr Abela rringrazzja wkoll lis-36 membru tal-grupp Parlamentari Laburista. Huwa sostna li l-grupp Parlamentari laburista huwa wieħed magħqud u sinċier.
Il-Mexxej Laburista stqarr: “Għandna grupp parlamentari ta’ talent u kapaċitajiet li vera għandna għax nirringrazzjawhom tal-ħidma tagħhom. Se niġbdu ħabel wieħed aħna Partit wieħed.”
Robert Abela sostna wkoll li huwa d-dmir tagħhom li jżommu lill-Partit Laburista magħqud sabiex bħalma għamel tul dawn l-aħħar seba’ snin ikompli jqassam il-ġid lill-poplu Malti u Għawdxi.