“Qegħdin hawn illum għaliex għandna għan komuni: li nidderieġu l-ekonomija tagħna biex tħares aktar l-ambjent u tkun aktar diġitalizzata, sabiex Malta – flimkien mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea – tkun tista’ twettaq it-tranżizzjoni doppja b’suċċess u b’ħeffa,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fl-indirizz tagħha lill-industrija finanzjarja, waqt il-Governance, Risk, Compliance and ESG Summit.
Dan is-summit, organizzat mill-Borża ta’ Malta, laqqgħet taħt saqaf wieħed rappreżentanti minn setturi differenti, biex jesploraw opportunitajiet sabiex jaċċelleraw it-tranżizzjoni ambjentali f’Malta.
Il-Ministru fakkret il-kisbiet riċenti ta’ Malta fil-finanzjament sostenibbli, b’mod partikolari t-tnedija b’suċċess tal-ewwel green bonds mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Il-ħruġ ta’ dawn il-green bonds kien pass importanti, li kkonferma l-vijabilità tal-finanzjament ambjentali filwaqt li attira l-investituri biex jappoġġjaw il-ħidma ta’ Malta lejn is-sostenibbiltà.
Il-Ministru Dalli enfasizzat ukoll l-importanza ta’ inizjattivi riċenti oħra, bħall-inċentivi finanzjarji li jħeġġu aktar kumpaniji jirrappurtaw il-progress tagħhom fil-Portal tal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ta’ Malta.
Permezz ta’ dan l-appoġġ, il-Gvern qed jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-kumpaniji żgħar u medji, sabiex jgħinuhom jadottaw prattiċi sostenibbli u jirrappurtaw il-progress tal-kriterji ESG tagħhom fuq il-Portal. B’hekk ikomplu jsaħħu l-progress ta’ Malta lejn il-miri ambjentali tagħha.
“Impenjati li nikkollaboraw mal-komunità t’investituri privati. Flimkien, se nkomplu nimbuttaw ’il quddiem it-tranżizzjoni ambjentali u diġitali, sabiex niżguraw futur sostenibbli għal Malta u ċ-ċittadini tagħha,” sostniet il-Ministru.
Il-Ministru Dalli kkonkludiet l-indirizz tagħha billi kkonfermat mill-ġdid l-appoġġ tagħha lill-isforzi tal-komunità kummerċjali lejn Malta b’ambjent aħjar, u sostniet li l-Gvern kommess li jkompli ssaħħaħ l-inizjattivi ambjentali.