Lanqas għaddiet sena mindu l-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali Malta Flimkien, li dawn il-proposti bdew jiġu implimentati sabiex titjieb il-kwalitá tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attivitá politika fil-Birgu, fejn stqarr kif bħal lum sena, kienu qed isiru l-aħħar preparamenti biex tingħata bidu għall-kampanja elettorali.
Qal li f’qasir żmien mindu l-Partit Laburista ħareġ quddiem il-poplu Malti għall-elezzjoni ġenerali, Gvern immexxi minnu diġá implimenta diversi proposti mill-manifest.
Fost l-oħrajn, huwa semma kif minn għada se jkunu qed jiftħu l-applikazzjonijiet għal skema li tagħti għaxart elef ewro lil persuni li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom, sabiex aktar nies isiru s-sidien ta’ djarhom.
Apparti minn hekk, il-Prim Ministru nnota numru ta’ għajnuniet oħra marbuta max-xiri tal-ewwel proprjetá, hekk kif stqarr li dan il-Gvern mhuwiex wieħed li jagħti b’id u jieħu b’oħra.
Robert Abela qal li dan isir għax Gvern immexxi minnu huwa Gvern tal-inċentiv u mhux tal-kastig, u dan it-titjib fil-kwalitá tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin, sar u qed isir minkejja ċirkostanzi internazzjonali straordinarji.
Dan kien possibbli hekk kif il-Gvern mexa bi pjan u bil-għaqal, u minħabba f’hekk kien possibbli li l-Gvern jgħolli ċ-children’s allowance u l-pensjonijiet, filwaqt li jinċentiva l-first-time buyers u jwieżen eluf ta’ persuni oħra.
Il-Prim Ministru spjega kif minħabba din il-politika ta’ inċentiv, mill-elfejn u tlettax inħolqu mal-mitt elf impjieg full time, u minħabba dawn l-opportunitajiet, tjiebet b’mod sinifikanti l-kwalitá tal-ħajja ta’ eluf ta’ familji.
Apparti minn hekk, Robert Abela sostna li l-Gvern kien u għadu għaddej b’kampanja ta’ investimenti straordinarji f’kull qasam madwar il-pajjiż, fosthom fl-ambjent, fl-infrastruttura u l-wirt storiku.
Fost l-oħrajn semma’ l-proġett multimiljunarju tax-shore-to-ship, li jwassal għal arja aktar nadifa għal kull min jgħix madwar iż-żona tal-Port il-Kbir.
Huwa qal li dawn ir-riżultati mhux biss jiġu nnutati mill-Maltin u l-Għawdxin, iżda anke mill-istituzzjonijiet internazzjonali li darba wara l-oħra, ibassru tkabbir ekonomiku b’saħħtu għal pajjiżna, hekk kif sar mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa u anke mill-bank centrali.
Minkejja dan, il-Prim Ministru nnota li dawn ir-riżultati jinnutahom kulħadd, ħlief il-Partit Nazzjonalista, li mhux talli tilfu l-fiduċja fil-pajjiż, iżda tilfu l-fiduċja fihom infushom.
Hawn, Robert Abela għamel referenza għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħadd li għadda, liema Kunsill kien iddominat mis-sens ta’ superjoritá u arroganza li kien ilu hemm minn qabel l-elfejn u tlettax.
Il-Prim Ministru appella sabiex quddiem din l-attitudni, il-poplu jaffaċjaha bl-umiltá. Huwa saħansitra stieden lil dawk kollha li jaħsbu li jistgħu jikkontribwixxu fil-ħidma biex itejjbu lil pajjiżhom sabiex jagħmlu propju hekk.
Huwa tenna li l-fiduċja f’pajjiżna tista’ tinżamm biss billi tagħraf u tindirizza n-nuqqasijiet, filwaqt li ssaħħaħ is-sabiħ tiegħu, u stqarr li huwa se jaħdem kuljum sabiex il-futur ikun dejjem wieħed isbaħ.