Fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna ċċelebra l-festa ta’ Kristu Re b’Quddiesa, li mmarkat it-tmiem tas-sena liturġika.
Din il-festa, li ssoltu tiġi ċċelebrata b’purċissjoni, saret b’udjenza ferm iżgħar, iżda xorta attirat diversi nsara fil-Knisja ta’ Raħal Ġdid, li riċentament ingħatat it-titlu ta’ Bażilika minura.
Fl-omelija tal-Arċisqof, spikkat l-importanza tal-fratellanza f’dan iż-żmien, iktar minn qatt qabel.
Meta kkwota lill-Papa Franġisku, l-Arċisqof appella biex ma nagħmlux distinzjoni bejn xulxin abbażi ta’ razza, kultura jew orjentazzjoni sesswali.
L-Arċisqof qal: “U ta’ min ifaħħar is-soċjetà li tinsisti fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet għall-membri kollha tas-soċjetà.”
Qal li f’dinja fejn it-tama dejjem qiegħda tonqos, għandna d-dover li nsaħħu t-tama fl-umanità.
L-Arċisqof temm l-omelija tiegħu b’appell lill-politiċi, fejn qal li għandhom id-dover li jiżirgħu l-għaqda fil-poplu għaliex b’hekk biss jista’ jkollna dinja li verament tħobb.