F’sitwazzjoni ta’ pandemija ma nistgħu qatt indaħħlu sens ta’ partiġjaniżmu bejnietna.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ħamis filgħodu l-Parlament iddiskuta l-imxija.
Dr Abela appella għar-responsabilità tal-Oppożizzjoni u biex din ma tarax is-sitwazzjoni b’mod partiġjan.
Il-Prim Ministru spjega li hu qatt ma għażel il-partiġjaniżmu u mhux se jagħmel hekk issa.
Qal kif, “Fl-aħħar jiem il-Kap tal-Oppożizzjoni qabad vena ta’ partiġjaniżmu politiku li nistqar li jidher ċar li t-temperatura tagħha kompliet tiela’ ‘l fuq f’dawn l-aħħar sigħat. Mhux se nagħżel dik it-triq. Quddiem l-isfida tal-pandemija l-poplu ma jridx jara partiġjaniżmu. La qatt għażilt il-politika partiġjana u mhux beħsibni nagħmel hekk.”
L-għada li tħabbru miżuri favur it-trażżin tal-imxija, il-Prim Ministru saħaq li saħħet il-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ tiġi l-ewwel.
Spjega, “Jibda kollox milli s-saħħa titpoġġa l-ewwel u qabel kollox. Dik hija prijorità. Hekk kienet f’Marzu li għadda, hekk baqgħet fit-tnax-il xahar li għaddew u hekk tibqa’ sa tmiem il-pandemija iżda tibqa’ wkoll lil hinn mill-pandemija.”
Fil-Parlament il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern ma waqaf qatt jisma’ l-karba tan-negozji Maltin sabiex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur u hanwhekk, b’ton ta’ kuraġġ, qal li lkoll nemmnu li l-pandemija għandha t-tmiem tagħha.
Ma naqasx li jsemmi bosta miżuri li ħa dan il-Gvern biex iservi ta’ spalla finanzjarja għal dawn in-negozji, fosthom l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement, il-pakketti finanzjarji u anke l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Fil-fatt sal-Erbgħa filgħaxija stess, dawk milquta mill-miżuri l-ġodda, fosthom sidien ta’ ħwienet mhux essenzjali, se jieħdu l-Covid Wage Supplement b’mod sħiħ.
Dr Abela semma x’inhu d-dover ewlieni tal-Gvern.
Qal, “Għanda dover fuq kull wieħed u waħda minna biex inħarsu s-saħħa tan-nies. Daqstant ieħor għandna obbligu fuqna biex inħarsu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies kif ukoll il-livell tal-għajxien tagħhom. Dawn huma l-prinċipji ewlenin li igwidawna fl-aħħar 12-il xahar.”
Il-Prim Ministru tenna kif l-aħħar xhur fissru wkoll xhur ta’ deċiżjonijiet iebsin, iżda hawnhekk sostna li għal dan kollu dejjem kien hemm bħala gwida, ix-xjenza.
Dwar it-tilqim, il-Prim Ministru qal li dan huwa l-għodda li jattakka bis-saħħa kontra l-Coronavirus, għax il-vaċċin huwa s-soluzzjoni għall-pandemija.
Innota kif pajjiżna diġà ta’ aktar minn mitt elf doża u l-pjan hu li pajjiżna jibda jagħti madwar ħamest elef doża kuljum.
Meta kien qed jitkellem fuq l-infurzar, il-Prim Ministru appella lil kulħadd biex jikkopera u jobdi r-regolamenti.
Qal, “Mhux għax nieħdu pjaċir nagħtu l-multi, imma ma nistgħux nerħu mill-infurzar u huwa kruċjali biex nibqgħu ninsistu fuq l-infurzar. Jiena konvint li l-messaġġ se jasal, messaġġ li n-nies jemmnu mingħajr il-bżonn tal-multi li l-importanza tal-ubbidjenza u regolamenti qiegħda hemmek u x-xewqa tiegħu taf xi tkun? Li nibqgħu għaddejjin bin-numru qawwi ta’ spezzjonijiet u ma nisbux ksur tar-regolamenti.”
Dr Abela spjega kif fi żmien ta’ pandemija, b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra, pajjiżna ma rax numri kbar ta’ nies qiegħda, saħansitra r-rata tal-qgħad hija dik li kellha Malta qabel faqqgħet il-pandemija.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li ma rridux nitkellmu fil-kuntest ta’ intom u aħna iżda ta’ aħna flimkien.
Qal li, “Ejja ma nitkellmux f’termini ta’ intom u aħna. Imma ejja nitkellmu fit-termini ta’ aħna flimkien kif nistgħu niġbdu ħabel wieħed u naħdmu kolletivament fl-interess ta’ poplu Malti u Għawdxi magħqud u wieħed.”