Fuq il-programm XTRA mxandar fuq ix-xandir nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li Malta se jkollha biżżejjed vaċċin għall-Covid-19 biex jitlaqqam il-poplu kollu.
Fearne spjega li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, il-vaċċin se jasal f’pajjiżna fi ftit tal-ġimgħat oħra, fejn uħud mid-dożi jaslu mil-lum għal għada bl-ajru u oħrajn jaslu f’temp ta’ erbat ijiem peress li l-kunsinja trid tiġi bil-baħar minħabba t-temperatura speċifika li tkun trid tinżamm fiha.
Chris Fearne saħaq li se jibdew jitlaqqmu l-ewwel dawk li huma fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija u li jaħdmu mal-vulnerabbli, fosthom l-anzjani.
“Dan se jsir f’kuntest li l-manifattur tal-vaċċin jibda jipproduċi d-dożi f’kunsinji”, saħaq id-Deputat Prim Ministru li iżda rrimarka li l-vaċċin se jkun disponibbli għal kulħadd fuq medda ta’ ftit xhur.
Qal kif, “F’temp ta’ ftit xhur inkunu laqqamna l-poplu kollu. Għandna biżżejjed vaċċin biex inlaqqmu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Chris Fearne nnota li meta ħdax-il sena ilu kien hemm il-pandemija tal-H1N1, Malta kienet baqgħet l-art fejn jidħol il-vaċċin għal dik il-marda minħabba li hija pajjiż żgħir u s-suq huwa żgħir iżda waqt din il-pandemija tal-Coronavirus, il-Gvern Malti kien pijunier u mal-Unjoni Ewropea saħaq li pajjiżna u stati membri oħra jieħdu l-vaċċin flimkien ma’ pajjiżi oħra kbar Ewropej.
Spjega kif “Aħna kellna l-biża’, fil-bidu tal-pandemija, illi dan jiġi l-vaċċin u Malta tibqa’ l-art, nieħduh sitt xhur wara l-oħrajn. U konna aħna, jien personali bħala Ministru tas-Saħħa ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ministri illi sħaqna mal-kollegi tagħna Ewropej u mal-Kummissjoni illi l-Ewropa tixtri l-vaċċin kollha bħala blokk imbagħad ittih skont il-pajjiżi kollha. U din irnexxilna, bil-mod il-mod, b’ħafna negozjati u rnexxilna u wasalna u Malta issa se tkun mal-pajjiżi l-kbar, mal-Ġermanja, ma’ Franza, ma’ Spanja illi ħa tieħu l-vaċċin fl-istess ġurnata.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif pajjiżna huwa mħejji fejn se jaħżen il-kunsinji tal-vaċċin għall-Covid-19 f’temperaturi stabbiliti u anki kif dan se jkun qed jibda jitqassam.
Dawn id-dikjarazzjonijiet imorru għal kuntrarju ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li sa ftit tas-sigħat qabel ġew imxandra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għas-Saħħa, saħqet li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni u li Malta se jmissha biss sa massimu ta’ erbgħin elf doża.
Intant id-Deputat Prim Ministru innota li pajjiżna għandu rata ta’ mwiet baxxa, ta’ 1%, ferm inqas minn pajjiżi oħra bħal Spanja u l-Italja iżda saħaq li kull mewt tnikket lill-familji, lill-ħaddiema u l-awtoritajiet.
Spjega kif mir-rata ta’ testijiet li jsiru, filwaqt li f’pajjiżi bħall-Polonja hemm 45% li mit-testijiet jinstabu pożittivi għall-Covid-19, f’Malta jinstabu biss 4% pożittivi għall-virus.
Din ir-rata ta’ infezzjonijiet f’Malta hija fost l-aktar baxxi fl-Ewropa.
Qal li għal dawn l-aħħar xahrejn inżammu numri stabbli li mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra huma baxxi.
Innota kif il-Gvern ħa pass prudenti li żamm l-istabbilimenti tax-xorb u l-każini magħluqin sal-bidu tas-sena d-dieħla billi ġie estiż avviż legali u appella għar-responsabilità anki fi żminijiet ta’ festi hekk kif ninsabu pass ‘il bogħod mill-vaċċin u mistennija naraw l-affarijiet jirritornaw għan-normal sas-sajf.