Waqt diskussjoni f’vidjo-konferenza ta’ livell għoli mill-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-agrikoltura u s-sajd ġie diskuss l-effett tal-pandemija fuq is-setturi tal-agrikoltura u s-sajd.
Il-konferenza ddiskutiet kwistjonijiet u azzjonijiet li l-istati membri addottaw fi żmien il-pandemija tal-COVID-19. Hawnhekk il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo stqarr li ż-żieda fil-mira tal-karatteristiċi ta’ pajsaġġ ta’ diversità għolja fl-artijiet agrikoli m’għandhiex tkun obbligatorja fid-dawl tad-diffikultà fl-implimentazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Refalo emfasizza fuq l-importanza tal-proposta li biha jiżdiedu l-fondi f’dan is-settur li ser jagħtu appoġġ qawwi lill-bdiewa u s-sajjieda. Dan filwaqt li stqarr li t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi ser jippreżenta sfida għall-bdiewa tal-Unjoni Ewropea li jipproduċu ikel bi standard partikolari filwaqt li bdiewa ta’ pajjiżi terzi jikkompetu fl-istess swieq mingħajr ma jħarsu dawn l-istess standards.
Il-Ministru saħaq li għandhom jiġu evitati spejjeż u piż żejjed fuq il-bdiewa lokali minħabba r-realtajiet inevitabbli li diġà qegħdin jaffaċċjaw.
Dan filwaqt li l-Ministru stqarr li l-istati membri għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jindirizza l-isfidi u l-bżonnijiet lokali. Saħaq li l-bdiewa b’operat żgħir għandhom jiġu eżentati mis-sistema ta’ kundizzjonalità f’konformità mal-arranġamenti attwali.
Il-Ministru temm jgħid li pajjiżna jappoġġja ż-żieda ta’ sostenibbilità iżda fakkar li l-miżuri għandhom ikunu viabbli u għandhom jikkunsidraw ir-realtajiet li jeżistu fl-istati membri.