“F’Gaża, il-kriżi umanitarja hija katastrofika. It-twassil tal-għajnuna umanitarja u r-rispett għal-Liġi Umanitarja Internazzjonali mhumiex negozjabbli.”
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin f’laqgħa fil-Lussemburgu.
Il-laqgħa ppreċediet laqgħat oħra ta’ livell għoli li se jsiru din il-ġimgħa fi Brussell, fosthom il-Laqgħa Ministerjali UE-GCC għada filgħaxija u s-Summit UE-GCC ta’ nhar l-Erbgħa.
Id-Deputat Prim Ministru Borg saħaq li l-għoti ta’ għajnuna umanitarja mhix kwistjoni ta’ għażla iżda obbligu taħt il-Liġi Umanitarja Internazzjonali. Saħaq ukoll li filwaqt li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu, il-protezzjoni taċ-ċivili u l-aderenza mal-prinċipji umanitarji għandhom jibqgħu ta’ importanza kbira.
Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, id-Deputat Prim Ministru Borg tenna l-appoġġ bla waqfien ta’ Malta għall-Ukrajna quddiem l-aggressjoni kontinwa tar-Russja. Malta se tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja, speċjalment issa li qed toqrob ix-xitwa.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin mas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Commonwealth, u Żvilupp, David Lammy, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg tenna l-apprezzament ta’ Malta għall-kooperazzjoni u s-solidarjetà kontinwi murija mir-Renju Unit f’diversi kriżijiet globali.