Il-Prim Ministru Robert Abela qal li wasal iż-żmien li tiġi diskussa idea li l-Kummissarju għall-Istandards jistax ikun eks Membru Parlamentari.
Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti dwar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Qal li l-Gvern iħares lejn riformi wiesa’ f’dak kollu li jolqot il-governanza tajba.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwa uffiċċju parlamentari meħtieġ.
Dr Abela qal li huwa jemmen li għandu jkun hemm skrutinju fuq il-Membri Parlamentari u dan l-iskrutinju huwa importanti f’soċjetà demokratika.
Qal, “Naturalment aħna nħarsu lejn riformi wiesa’ f’dak li jolqot il-governanza tajba u wieħed mill-punti li nemmen illi għandu jiġi dibattut huwa illi sal-lum għandek restrizzjoni li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards ma jkunx Membru Parlamentari. Nemmen li għandha tinfetaħ id-diskussjoni jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien għall-Istandards għandux ikun ukoll, jistax ikun eks Membru Parlamentari.”
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern jemmen bi sħiħ fl-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Qal, “Fuq kollox bil-miżuri li għamilna u l-emendi leġislattivi partikolarment li għamilna minn Jannar tas-sena 2020 ’il quddiem u anki qabel ukoll juru kemm dan il-Gvern jemmen fil-prinċipju tat-trasparenza.”