Psikoloġisti li qed iħarsu lejn informazzjoni miġbura tul dawn l-aħħar għaxar snin dwar 20,000 raġel sabu li dawk li jippreferu li jkollhom aktar poter min-nisa u li jħobbu l-attitudni ta’ playboy ta’ spiss għandhom probabbiltà akbar li jsofru minn problemi psikoloġiċi. B’attitudni ta’ playboy fissru bniedem li jemmen li ħafna iriduh, li jieħu gost kbir fil-preżenza femminili u li jdejqu l-irbit emozzjonali.
Hemm tendenza kbira ukoll li dawn it-tip ta’ nies ma jfittxux l-għajnuna.
L-informazzjoni ġiet ippubblikata din il-ġimgħa fil-Journal of Counseling Psychology, li ħares lejn studju mwettaq bejn l-2003 u l-2013. Il-parteċipanti kellhom minn tnax-il sena sa ‘l fuq minn 65 sena.
Riċerkaturi identifikaw ħdax-il karatteristika meqjusa “tradizzjonalment maskili”. Fosthom kien hemm il-ħtieġa li jirbħu, il-bżonn li jkunu f’kontroll emozzjonali, li lesti jieħdu riskju, tendenza ta’ vjolenza, li jkun dominanti u bosta oħrajn. Wara ħarsu jekk dawn għandhomx relevanza ma’ riżultat ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
B’mod ġenerali, l-irġiel li jipprattikaw dawn in-normi kellhom tendenza ikbar li jesperjenzaw problemi bħal dipressjoni u stress, kellhom problemi jaċċettaw id-dehera tagħhom, tendenza li jabbużaw minn sustanza u problemi dwar kif jiffunzjonaw fis-soċjetà. Dawn il-problemi kienu ferm aktar probabbli fost l-irġiel imlaqqma u meqjusa mis-soċjetà bħala playboys, li għandhom poter fuq in-nisa u awtonomija.
Esperti qalu li l-fatt li ftit huma l-irġiel li jfittxu għajnuna psikoloġija jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu studjati.
Mhux kull norma maskulina tradizzjonali kienet relatata ma’ problemi psikoloġiċi. Eżempju minnhom kien li jpoġġu x-xogħol l-ewwel, fejn la kellha effett pożittiv u lanqas negattiv fuq is-saħħa mentali.
Iżda li tagħti valur lill-imġieba ta’ playboy u li wieħed jippreferi jkollu poter fuq in-nisa, apparti li jkun sessist estrem, hi korrelatata ħafna ma’ problemi psikoloġiċi.
L-esperti temmew jgħidu li “imbilli wieħed ikun ilu għal ħafna żmien iġib ruħu b’ċertu mod ma jfissirx li m’għandux għażla.”