Fil-Parlament Ewropew il-Ħamis ġew introdotti regoli ġodda li jiffaċilitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli jisimplifikaw l-awtentiċità ta’ dokumenti bħal ċertifikati taż-żwieġ u tat-twelid. Sabiex tiġi indirizzata d-diffikultà ta’ traduzzjoni ġew introdotti wkoll formoli ġodda b’lingwi differenti li għandhom jiġu mehmuża flimkien mad-dokumenti l-oħra. Dan il-vot approva ftehim informali preċedenti bejn il-Parlament u n-negozjaturi tal-Kunsill.
“Aktar minn 14 il-miljun ċittadin Ewropew jgħixu fi Stat Membru ieħor. Biex jiżżewġu, jiddikjaraw it-twelid ta’ tarbija jew biex juru prova ta’ kondotta kriminali nadifa, huma sfurzati li jgħaddu minn proċeduri diffiċli. Permezz ta’ dan il-vot, ħadna l-ewwel passi sabiex inaqsu l-problemi burokratiċi.” Dan qalitu r-rapportuer Mady Delvaux matul id-dibattitu fil-plenarja.
Hija kompliet tgħid li “minkejja l-oppożizzjoni ta ‘parti mill-Kunsill, klawsola ta’ reviżjoni importanti tirreferi għal diversi dokumenti, bħal diplomi universitarji jew ċertifikati ta ‘diżabilità, li ma setgħux jiġu inklużi fl-ambitu tar-regoli f’dan l-istadju. Dan it-test huwa l-ewwel pass ta’ proċess twil, l-għan aħħari huwa li jkollna dokumenti pubbliċi komuni fl-UE. ”
Barra minn hekk, ir-regoli se jkopru wkoll dokumenti li ċ-ċittadini li jgħixu fi stat membru ieħor għandhom jippreżentaw, jekk ikunu jixtiequ jivvotaw u / jew li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej jew muniċipali fl-Istat Membru fejn ikunu qiegħdin jgħixu.