Il-Gvern nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika bil-politika tiegħu għas-settur tal-Avjazzjoni Ċivili f’pajjiżna għas-snin bejn l-elfejn u tnejn u għoxrin, u l-elfejn u tletin.
Din il-politika tidentifika ħames għanijiet prinċipali; dik li tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur bħar-riżors uman, li jitkattar il-kontribut ekonomiku li s-settur diġà qed jagħti lill-ekonomija, it-tisħiħ tas-sinerġiji u l-impenn ta’ dawk kollha involuti fis-settur, it-tisħiħ tal-qafas legali u regolatorju, u t-tkabbir tas-settur b’mod sostenibbli.
Biex jintlaħqu dawn il-ħames għanijiet, il-politika tidentifika aktar minn għoxrin miżura; fost l-oħrajn aktar taħriġ tekniku u professjonali, aktar settur fuq riċerka u innovazzjoni, u riċerka fuq l-opportunitajiet li toffri l-gżira Għawdxija.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv tal-Avjazzjoni, Karmenu Vella qal li permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika miftuħa sat-tmienja u għoxrin ta’ Ottubru, kulħadd għandu ċ-ċans jgħid tiegħu fit-tfassil tal-politika nazzjonali għall-avjazzjoni ċivili.
“Fl-antik konna nifhmu biss airlines li qed itiru lejn Malta u minn Malta. Illum, minbarra dawk l-airlines, għandna ajruplani u flotot irreġistrati f’Malta, għandna kumpaniji li qed jagħmlu tiswijiet ta’ ajruplani, għandna kumpaniji li qed jagħtu taħriġ lill-bdoti, hemm ħafna attività, allura meta tibda tara l-attività qed tikber, inti tkun trid tgħid il-policy tiegħek għax meta xi ħadd jiġi biex jinvesti f’pajjiżek, irid ikun jaf inti d-direzzjoni tiegħek fejn hi sejra” qal Vella.
Il-Ministru responsabbli mis-settur, Ian Borg fakkar kif qabel il-pandemija, dan is-settur kien iħaddem ħamest elef u ħames mitt ħaddiem, iġib u jieħu minn u lejn pajjiżna seba’ miljun passiġġier, u jiġġenera mas-sitt miljun ewro fl-ekonomija.
“Dan huwa settur importanti li jkompli jgħaqqad lil pajjiżna mal-kumplament tad-dinja għaliex in-nies għandha bżonn li tivvjaġġa – fuq xogħol, fuq turiżmu, fuq saħħa, u anki l-merkanzija li tinġarr permezz tal-ajru fost mezzi oħrajn tat-trasport bħal dak tal-baħar u issa għandna l-politika fejn in-nies jafu, l-investituri jafu, l-awtoritajiet jafu, x’inhi l-politika tal-Gvern fuq dan il-qasam” saħaq il-Ministru Ian Borg.