Pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali se jkunu jistgħu jmorru għal żjarat, magħrufa bħala follow ups, għand it-tabib tal-familja tagħhom. Dan minflok li kull darba jmorru l-Isptar Mount Carmel. B’hekk is-servizz li jingħata mit-tobba tal-familja lill-pazjenti, il-komunità qed ikompli jkun fuq l-aġenda tal-awtoritajiet tas-saħħa, tant li fl-aħħar jiem kien organizzat seminar għall-istess tobba dwar din l-iskema li minnha jistgħu jgawdu madwar 200 pazjent. Dan se jkun servizz li se jħallas għalih il-Gvern, bid-differenza għall-pazjent se tkun dik li jiffranka l-iskariġġ.
Din hija t-tieni skema ta’ dan it-tip li ħareġ il-Gvern fl-aħħar xhur, bl-ewwel skema tkun indirizzata għal pazjenti bil-kanċer tas-sider; skemi intenzjonati biex itejbu s-servizz għall-pazjenti billi jingħataw servizz mit-tabib tal-familja mingħajr ħlas waqt li jnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija fl- isptarijiet.
Il-Ministru għas- Saħħa Chris Fearne kien ikkwotat jgħid li l-akbar benefiċċju huwa aċċessibbiltà aħjar għall-pazjenti u l-kumdità li minflok joqogħdu jmorru l-isptar għall-appuntamenti regolari u jistennew, b’dawn l-iskemi se jmorru mill-ewwel għand it-tabib tal-familja.
“Il-pazjenti jħossuhom aktar komdi jitkellmu mat-tabib tal-familja u jistgħu wkoll jagħżlu l-ġurnata tal-viżta f’ġurnata li tkun aktar komda għalihom. Barra minn hekk, dan is-servizz se jkun offrut bla ħlas, bil-piż finanzjarju se jintrefa’ mid-Dipartiment tas-Saħħa.”
Dan se jwassal biex pazjenti li sa issa kellhom appuntament ta’ darba fis-sena għand il-psikjatra, issa se jkollhom sa tliet viżti oħra matul is-sena.
Fearne spjega li d-Dipartiment tas-Saħħa ħareġ stedina lil dawk it-tobba kollha rreġistrati bħala tobba tal-familja, biex japplikaw għal dawn iż-żewġ skemi. Biex f’dan il-każ ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw, it- tobba jridu jattendu għal taħriġ li se jsir mid-Dipartiment tal-Psikjatrija.