Għand il-Pulizija ma kinux daħlu rapporti fuq is-suspettat bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska, li ffastidja nisa oħra.
Dan sostnieh l-Ispettur Shawn Pawney mill-Iskwadra tal-Omiċidji fil-Korp tal-Pulizija f’email li bagħat lil midja b’rabta ma’ rapporti li allegatament Aquilina ffastidja nisa oħra permezz ta’ messaġġi fuq l-internet.
Ir-rapporti saħansitra jsemmu aġir ta’ tħassib li deher fuq l-internet sa jumejn qabel Dembska nstabet mejta fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema.
L-Ispettur qal ma’ ONE News li r-rapporti ta’ fastidju sesswali mis-suspettat huma ta’ tħassib kbir u appella biex min għandu xi informazzjoni, jgħaddiha lill-Pulizija b’mod kunfidenzjali.
Rapporti juru messaġġi allegatament mibgħuta minn Aquilina lil tfajliet anki żgħar, li għandhom anki 14-il sena u jistiedinhom biex ikollu x’jaqsam magħhom.
Messaġġi ppubblikati juru r-rispons iebes t’Aquilina meta t-tfajliet ma tawhx wiċċ.
Ilbieraħ ONE News żvela li minn awtopsja li saret, il-Pollakka nqatlet waqt li kienet qed tiġi stuprata.
Fuq ġisimha nstabu feriti u nifhmu li Dembska mietet fgata.
Aquilina jinsab fl-isptar Monte Karmeli wara li ġie invistat minn tabib u ġie riferut lejn l-isptar tas-saħħa mentali.
B’dan l-iżvilupp, l-interrogazzjonijiet ġew sospiżi u għalissa mhux mistenni li Abner Aquilina jitressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Dembska.
Dalgħodu one.com.mt żvela kif Aquilina lissen xi kelma b’rabta mal-qtil waqt li kien invistat fi klinika.
Sa qabel dak il-ħin, Aquilina ma kienx meqjus mill-Pulizija bħala persuna ta’ interess b’rabta mas-sejba tal-katavru tal-Pollaka.
Aquilina ġie f’idejn il-Pulizija wara rapport li sar li qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta, fl-istess ħin li f’tas-Sliema ntlemħet mejta, Paulina Maria Dembska.