Għanafest ikompli jesplora elementi ġodda fil-mużika li ssawret matul is-snin. Dan se jsir permezz ta’ mużika Medjevali Franċiża, mużika ekklettika mill-Estonja u arranġamenti mid-Deżert tas-Saħara, kollha mħallta ma’ mużika kontemporanja.
Din is-sena Għanafest: il-Festival Dinji Malti se jsir bejn l-10 u t-12 ta’ Ġunju fil-Ġnien tal-Argotti tal-Furjana. Taħt id-direzzjoni ta’ Renzo Spiteri, il-festival se jlaqqa’ kulturi u stili ta’ mużika li mad-daqqa t’għajn ma jidher li m’hemm xejn komuni bejniethom imma fir-realtà huma viċin ta’ xulxin aktar milli wieħed jistenna.
F’dan is-sens, anki l-għana u l-folk Malti se jagħmlu parti minn din it-tapezzerija mużikali għax qed ikomplu jitkattru u jitħalltu ma’ mużika iktar esperimentali waqt li tinżmm l-identità unika tagħha.
Sirventés se jkun l-ewwel grupp barrani li jieħu sehem fl-ewwel jum tal-festival. L-istil tagħhom hu marbut mal-qawmien tal-mużika u t-tradizzjoni tat-troubadours, li kienu poeti-mużiċisti li kienu jivjaġġaw minn post għall-ieħor fi Franza.
L-Estonja se tkun l-ewwel pajjiż Baltiku rappreżentat fl-Għanafest, grazzi għal Trad.Attack! li jispiraw ruħhom mill-arkivju antik ta’ mużika antika rrekordjata kif ukoll min dik kontemporanja.
Ezza hu trio mill-Afrika ta’ Fuq li se jkun qed jagħlaq il-programm tal-Ħadd. Il-grupp, ispirat minn tip ta’ mużika nomada tad-Deżert tas-Saħara magħrufa bħala taureg, joffri mużika li tmur lil hinn minn dik tradizzjonali u jħallatha ma’ rock modern u blues, mużika b’polz Afrikan u ritmi ta’ trance u groove bla waqfien.
Is-sehem tal-gruppi Maltin fil-festival ta’ din is-sena, minbarra dawk li issa drajna naraw jgħannu, se jinkludi wkoll lil dawk li taw faċċata ġdida lill-mużika meqjusa bħala tradizzjonalment Maltija.
Fosthom se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-grupp Cushion, li jħaddnu elementi popolari u tradizzjonali Maltin imħallta ma’ mużika chill-out tal-Lvant u l-Punent, li għandha l-aktar il-ħoss Indjan grazzi għall-ħoss dominanti tas-sitar.
KażinSka hi band kif ukoll proġett kontinwu li jgħaqqad l-għeruq tal-mużika Maltija ma’ stili oħra. Il-mużika tagħhom, kif jagħti x’jifhem isimhom, tiffoka primarjament fuq mużika ska u marċi tradizzjonali tal-banda interpretati bil-mod tagħhom. Dan billi jżewġuhom ma’ ska, reggae, samba, jazz u R&B li b’hekk joħolqu atmosfera brijuża sinonima mal-festa Maltija imma b’ħoss kontemporanju.
Mistura bdew minn dwett akustiku magħmul minn Malcolm Bonnici u Antonio Olivari. Iddebuttaw fl-2012 fil-Festival tal-Għanja tal-Poplu fejn rebħu l-premju tal-Assoċjazzjoni Dinjija għall-Festivals u l-Artisti (WAFA) għall-aħjar talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn, Mistura saret band sħiħa elettrika u ħadet sehem f’bosta postijiet u avvenimenti.
Il-festival huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.