Il-politika tal-Partit Nazzjonalista għan-negozji hi li jġibilhom programmi ta’ self, meta dan il-gvern qed iġibilhom għotjiet diretti u firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex jikbru u jissaħħu saħaq il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-konferenza tal-aħbarijiet illum mill-kelliema tal-Partit Nazzjonalista turi li jekk il-fondi Ewropej ikunu fdati f’idejn l-istess kelliema dawn iħaddmuhom bl-istess ħsieb li bih mexxew il-pajjiż għal tant snin. Tmexxija bbażata fuq id-dejn u soluzzjonijiet mingħajr ħsieb fit-tul.
Il-programmi li jsemmu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, bħal InvestEU, mhuma xejn għajr self għan-negozju. B’kuntrast il-gvern qed jagħti €50 miljun lill-intraprżi ta’ daqs żgħir jew medju f’cash grants. Dawn qed jingħataw għal start-ups, SME growth, internationalisation, e-commerce u diversification, inkluż RDI. Bihom ukoll qed jinħolqu iktar opportunitajiet biex in-negozji joħolqu iktar xogħol.
U għax inħoloq iktar xogħol illum pajjiżna kabbar l-ekonomija tiegħu u huwa għalhekk li hemm min jgħid li pajjiżna jista’ ma jieħux fondi daqs qabel. Il-Gvern hu kommess li jsostni t-tkabbir ekonomiku u għalhekk pajjiżna jibqa’ fost dawk l-iktar sinjuri. Fl-istess ħin il-Gvern Malti se jinnegozja wkoll biex jikseb pakkett ġust għal pajjiżna għas-seba’ snin li ġejjin fejn bih inkunu nistgħu nsostnu u nikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku li qed ngħixu, filwaqt li nużaw il-fondi Ewropej b’għaqal biex inkunu l-aqwa fl-Ewropa, temm jgħid il-Partit Laburista.