“Justice served”
Dan it-titlu ta’ kitbet l-opinjonista Martin Scicluna dwar il-każ Egrant – fejn sostna li fl-aħħar f’dan il-każ rajna l-verità. Dan b’inkjesta maġisterjali li ġabet lura l-elementi fundamentali tar-rule of law.
Is-Sur Scicluna jinnota kif il-lista tal-akkużi tal-Maġistrat huma devastanti – frodi, falsifikazzjoni, xhieda falza, defamazzjoni, libell, evidenza falza, gideb, assassinju tal-karattru, u attentat biex jittellef il-kors tal-ġustizzja.
Martin Scicluna jinnota kif Daphne Caruana Galizia kellha rwol ċentrali f’din il-ġrajja, u li għalkemm wara mewtha ttellgħet minn uħud għall-istat ta’ martri u qaddisa sekolari, l-investigazzjoni wriet li minkejja l-kuraġġ tagħha kellha d-difetti tagħha wkoll.
Dan filwaqt li żied li r-raġuni wara l-qtil tagħha b’mod ċar mhuwiex konness ma’ dan il-każ.
Dwar David Casa – li mar ixerred din il-miżinformazzjoni – u dawk li appoġġjawh, is-Sur Scicluna spjega li l-inkjesta turi kif l-injoranza tagħhom hi miżbuqa biss mill-arroganza li għandhom.
L-inkjesta maġisterjali, tenna Scicluna, ġabet lura l-aspetti fundamentali tar-rule of law – il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-bżonn tal-indipendenza u l-imparzjalità, u d-dritt għal proċess ġust. Affarijiet li suppost mexxew lil Casa, Roberta Metsola, Francis Zammit Dimech u Simon Busuttil.
Simon Busuttil, sostna Scicluna, ma kellux jaqbeż fuq il-karru ta’ persuna li l-ġudizzju tagħha kien imtappan mill-viżjoni tagħha ta’ kontra l-Partit Laburista.
Għalhekk Busuttil għandu jwarrab – għax ingħaqad f’konfoffa mingħajr bażi, u ħa lill-Partit tiegħu għal telfa elettorali diżatruża.
Il-messaġġ ta’ Busuttil u Casa, li għajtu bil-korruzzjoni u fajru akkużi foloz li ma jammontawx għal biċċa waħda ta’ evidenza, ma kienx il-mod kif wieħed kellu jimxi.
B’dan, tenna Martin Scicluna, għamlu ħsara lill-pajjiżna, u għandhom iħallsu bil-kbir fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena ddieħla.