Is-Senatur Larissa Waters saret l-ewwel politikanta fl-Awstralja li reddgħat it-tarbija tagħha fil-parlament nazzjonali. Waters li tpoġġi mal-partit tal-Ħodor reddgħat it-tifla tagħha ta’ xahrejn, Alia Joy, fil-mument li ttieħed l-ewwel vot fis-sessjoni plenarja tat-Tlieta.
Kien is-sena l-oħra li s-senat iddeċieda li jibda jippermetti li omm tkun tista’ treddgħa t-tarbija tagħha waqt is-sessjoni plenarja iżda ebda membru Parlamentari sal-lum ma kien għamel dan qabel is-senatur Walters.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara argument li nqala fl-2015 meta l-Ministru Kelly O’Dwyer ġiet mitluba tikkunsidra li ma tibqax treddgħa lit-tarbija tagħha biex ma tonqosx fid-dmirijiet parlamentari tagħha.
Iżda Waters ma tantx ħadet pjaċir li l-aħbar li għamlet dan spiċċa fuq l-aħbarijiet tal-BBC għax qalet li wieħed ireddgħa t-tarbija fil-pubbliku għandha tkun normalità.
Iżda ladarba, l-aħbar ġriet mal-erbat irjieħ tad-dinja, is-Senatur kellha messaġġ għal dawk in-nisa li raw ir-ritratt li minkejja li jkollhom tarbija xorta waħda posthom jista’ jkun fil-Parlament.