“F’isem sħabi l-atleti nixtieq nirringrazzjakom talli għamiltu l-ħolma tagħna realtà.”
Dan kien kliem iż-żagħżugħ Jayden Cassar, li jifforma parti mit-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ taħt id-dsatax-il sena, fl-inawgurazzjoni tal-ewwel pixxina ta’ skala Olimpika fuq ġewwa f’pajjiżna.
Din il-pixxina, li tinsab biswit il-Kumpless Sportiv f’Bormla, saret b’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro u ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija.
Qal, “Aħna l-atleti nħossuna ffortunati li għandna pixxina li hi fost l-aqwa li għandna fil-Mediterran. Dan il-proġett għandu jħajjar u jressaq aktar tfal u żgħażagħ minn tal-madwar għall-isports akkwatiku. Din il-pixxina se tgħin biex ikun hawn iżjed postijiet ta’ taħriġ għall-atleti Maltin u mhux kulħadd irid juża l-pixxina f’Tal-Qroqq.”
Cassar qal li din hi opportunità eċċellenti hekk kif bħala atleti se jkollhom aktar fejn ikunu jistgħu jitħarrġu.
Sostna li l-atleti lokali, issa mhux se jkollhom l-iżvantaġġ li kienu biss jitħarrġu f’pixxina miftuħa u mbagħad barra minn xtutna jilagħbu f’pixxina indoor, bħal din li ġiet inawgurata.
Qal, “Din se tkun opportunità eċċellenti biex l-isport akwatiku f’pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem u jkompli jitjieb ħalli jkun jista’ jikseb aktar suċċessi barra minn xtutna.”
L-atleta żagħżugħ qal li, permezz ta’ din il-pixxina, jistgħu jiżdiedu aktar programmi sportivi li jintużaw minn għaqdiet u skejjel fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Qal, “Għalija personali, li jiena atleta u student min-naħa ta’ isfel ta’ Malta u ħafna bħali, hi ta’ vantaġġ li jkolli inqas ħela ta’ ħin biex immur u niġi mit-taħriġ tiegħi u nkun nista’ nqassam il-ħin aħjar għall-istudju akkademiku wkoll.”
Waqt din l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment jixhed il-prinċipju tal-ġid komuni li jħaddan il-Gvern immexxi minnu.
Qal, “Dawn huma proġetti xhieda ta’ kif il-Gvern irid kontinwament jinvesti fil-ġid komuni. X’inhu l-ġid komuni? Hu dak il-ġid li minnu tibbenefika s-soċjetà kollha u mhux il-ftit biss. U l-faċilitajiet sportivi definittivament huma sors ta’ ġid komuni, bħalma huma dawk fis-saħħa u meta nitkellmu naturalment fuq l-edukazzjoni.”
Preżenti wkoll għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, u mart il-Prim Ministru, Lydia Abela.