Libjan ta’ 33 sena li allegatament prova jagħmel ‘operazzjoni’ ta’ abort fuq is-sieħba tiegħu, wara li segwa filmati fuq youtube wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ gazzetta Libjana. Huwa qal mal-gazzetta The Observatory li huwa ta daqqa’ ta’ ponn lil mara li kienet qed tistenna tarbija fl-istonku tagħha waqt argument, iżda ċaħad li prova jwettaq abort.
Fir-rapport imressaq lil Pulizija Maltija, Ashref Ammar Marghami, allegatament uża l-forza biex ħa lis-sieħba tiegħu fil-kamra tal-banju u rabtilha idejha u saqajha biex ma tkunx tistà tiċaqlaq. L-investigaturi jemmnu li l-agressur pjana dan l-att kriminali wara li ra filmati fuq youtube hekk kif prova jnaddaf is-sikkina biex jagħmel l-operazzjoni ta’ abort, bil-gin u wara uża lighter biex is-sikkina tieħu n-nar.
Iżda fil-kummenti tiegħu mal-gazzetta Libjana, ir-raġel imfittex qal li meta sar jaf li l-mara qed tistenna tarbija u li se jsir missier huwa saqsiha biex tiżżewġu. Iżda Marghamni li ddeskriva lis-sieħba tiegħu bħala “saħħara li tisraq it-tfal” irrifjutat li tiżżewġu. Huwa allega li l-mara riedet li jkollha t-tarbija fi Franza u titlob permess residenzjali biex tgħix f’dan il-pajjiż u qal li l-visa tal-mara biex tibqa’ f’Malta kienet ser tiskadi.
Il-Malta Today qalet li huwa mifhum li r-raġel qed għadu maħrub fl-Ewropa wara li rnexxielu jaħrab mill-pajjiż. Marghami stqarr mal-gazzetta li hu ried li jiżżewweġ lis-sieħba tiegħu għax ma riedx li t-tfal tiegħu jikbru mingħajr missierhom.
L-intervista fil-gazzetta tgħid li l-mara għandha tliet nazzjonalitajiet: Marokkina, Sirjana u Libjana filwaqt li ġie allegat li l-mara kienet prostituta. Huwa allega li l-mara għandha tliet itfal minn irġiel differenti.
Kienet bint il-mara, ta’ ħmistax-il sena, li sabet ix-xena makabra ta’ ommha fil-kamra tal-banju marbuta b’ duct tape. Dan l-inċident seħħ il-Ħadd 2 ta’ April wara nofsinhar f’appartament is-Swieqi. Ir-raġel ħarab qabel waslu l-Pulizija bil-Europol qed tassisti fl-investigazzjoni.
“Kelli xi ngħid magħha u l-argument intensifika. Għamilt in-nervi u kont irrabjat. Tajtha numru ta’ daqqiet fl-istonku. Hija ntilfet minn sensiha u kellha xi dmija. Bżajt u għalhekk irbatta mas-sodda,” qal l-akkużat. Bil-mara tallega li hi kienet attakkata fil-kamra tas-sodda tagħha minn tliet irġiel li qalet li kienu sħab Marghami, iżda hu qal li kien waħdu fil-mument tal-argument. Huwa qal li bħala Musulman ma jaċċettax li t-tfal tiegħu jgħixu bla missier u jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara quddiem Alla.
Huwa mifhum li r-raġel imfittex huwa magħruf mill-Pulizija għadhom ma waslux għas-sejba tar-raġel.
Ritratt: MaltaToday