Il-Prim Ministru Joseph Muscat xejjen il-kritika li għamel waranofsinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-emendi li ressaq il-Gvern għall-Istanding Orders u għall-Mozzjoni ta’ Proċedura.
Muscat qal li dan huwa gvern li wera flessibbilità u ilu jitkellem sa mill-2014. Qal li ż-żewġ naħat waslu biex ftehmu fuq ħafna affrijiet iżda fakkar li din mhix l-ewwel darba li qed jiġu aġġornati l-Istanding Orders f’din il-leġiżlatura.
Fosthom semma kif Ministru li dwar il-ministeru tiegħu tkun qed issir investigazzjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-kontijiet Pubbliċi, dal-Ministru ma jkunx jista’ jkun membru ta’ dak il-Kumitat.
Il-Prim Ministru spjega kif illum, jekk il-gvern jidhirlu, jista’ ma jiltaqa’ qatt il-Ħamis u l-Oppożizzjoni ma tingħata ebda ċans li jkollha l-aġenda tagħha. Meta jgħaddu dawn l-emendi, kull naħa, darba kull tliet xhur, żgur se ssegwi l-aġenda tagħha.
Il-Prim Ministru qal li huwa sorpriż bl-asserzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-€50 multa se jeħluha biss il-Membri Parlamentari u mhux il-Ministri jekk dawn jassentu ruħu mingħjajr ġustifikazzjoni. Anqas Farage ma jgħaddulu minn moħħu affarijiet bħal dawn, qal il-kelliem , u waqt li ħares lejn Dr Busuttil qallu: “Għamilt argument pwerili, għamilt froġa kbira.”
Kieku l-affarijiet kienu kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, kienku anqas il-membri tal-Oppożizzjoni ma jistgħu jmorru għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE jew laqgħat parlamentari.
Il-Prim Ministru qal li konvint li permezz ta’ dawn l-emendi, il-Gvern se jkompli jirregola ix-xogħol tal-kamra u żvela li qablu ma’ talba tal-Oppożizzjoni biex is-seduta titwal b’siegħa, sa l-10 pm. Dan huwa l-ispirtu ta’ djalogu ta’ dan il-Gvern u l-vot jittieħed illejla.
“Minn hemmhekk ’il quddiem jekk hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijeit lesti li niddiskutu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u meta nkunu msefrin fuq xogħol tal-Gvern u meta d-deputati tal-Oppożizzjoni jkunu msefrinj fuq xogħol tal-parlament flimkien mad-deputati tal-gvern, aħna xorta dak ix-xogħol nistmawh għax narawh parti integrali mix-xogħol tagħna bħala rappreżentanti tal-poplu.