Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jew ma jdaħħalx il-formola tat-taxxa jew meta jdaħħalha jagħmilha b’mod li tħalli ħafna dubji.
Irrappurtat dan il-gazzetta KullĦadd wara li nhar il-Ħamis li għadda ONE News żvela li Jason Azzopardi, li tant jitkellem fuq il-governanza t-tajba, ma jiddikjarax xi flus jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta KullĦadd ġie żvelat li Jason Azzopardi ma daħħalx il-formoli tat-taxxa tiegħu għal tliet snin konsekuttivi mill-aħħar ħames snin.
Dan skont it-tagħrif li ta l-Ispeaker meta kien mitlub mill-editur ta’ ONE News, biex skont il-liġi tintbagħat kopja tat-tax returns ta’ Jason Azzopardi.
Minn dan it-tagħrif irriżulta li Jason Azzopardi ġie jaqa’ u jqum mill-obbligi legali tiegħu u ma ddikjarax it-taxxa għal numru ta’ snin.
Fil-fatt Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul tiegħu tal-2016, tal-2017 u tal-2018.
Iktar minn hekk jirriżulta li fi snin oħra, meta daħħal il-formola, għamel dan b’mod li jħalli ħafna dubji.
Saħansitra fl-uniku waħda li daħħal fl-aħħar erba’ snin, jiġifieri dik tal-2019, ma ddikjarax id-dħul mill-professjoni legali jew negozju u ddikjara biss dħul ta’ ftit mijiet ta’ ewro mill-Università u l-onorarja parlamentari.
Dan il-fatt qed iqajjem dubji kbar anke għax Jason Azzopardi tgħidx kemm jiftaħar li hu Avukat imqabbad.
Fl-aħħar sigħat kienu bosta dawk li kkummentaw dwar kif l-aġir ta’ Jason Azzopardi mhux biss jikser il-liġi iżda jikser ukoll l-etika li hi mistennija minn rappreżentant tal-poplu.
Dan wassal biex il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika intalab jinvestiga l-aġir ta’ Jason Azzopardi.
Sa issa Bernard Grech ftit li xejn irreaġixxa fuq dan l-iskandlu ta’ Jason Azzopardi, għajr li tkellem mal-midja tal-Knisja u ddefenda lil Azzopardi, li anki ammetta mal-Maltatoday li għal xi snin naqas jiddikjara d-dħul tiegħu.
Jason Azzopardi waħħal fil-proċeduri tas-separazzjoni talli naqas milli jiddikjara d-dħul tiegħu għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali fehmuna wkoll li Jason Azzopardi huwa konxju li l-Kap tal-Oppożizzjoni ftit li xejn għandu awtorità fuqu għaliex Bernard Grech għamel snin ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa.