Il-votazzjoni fid-Dar Ċentrali għalqet m’ilux fejn issa hemm stennija għar-riżultat li se jkollu fuq rasu l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Hu mistenni li fil-ħin li ġej jibdew jingħaddu l-voti mill-kunsilliera li b’kollox kien hemm 1,496 eliġibbli.
Aktar minn terz minnhom ivvutaw nhar l-Erbgħa li għadda.
Għal din il-votazzjoni li qed issir fl-eqqel tal-kriżi fil-Partit Nazzjonalista vvutaw 92% tal-kunsilliera.
Adrian Delia wasal fis-6:15pm fid-Dar Ċentrali fejn in-nies tiegħu nfexxew f’għajjat “Delia, Delia”.
Ir-riżultat hu mistenni li joħroġ għal ħabta tat-7:45pm fejn imbagħad mistennija reazzjoni minn Adrian Delia li jrid jara x’ħa jkun l-eżitu ta’ dan il-vot ta’ fiduċja fih.
Fl-istamperija f’tal-Pietà tispikka s-sens ta’ inċertezza iżda fuq kollox it-tensjoni li l-ġlied kbir ġab bejn iż-żewġ fazzjonijiet.
Filfatt bħalissa fl-istamperija nġabru numru sew ta’ nies ta’ Delia kkargati għall-fazzjoni l-oħra, dik ta’ Simon Busuttil.