Omm ta’ sitta, nanna ta’ 12,u bużnanna ta’ 13.
Carmela Muscat – magħrufa minn kull min jafha bħala Toti – fit-2 ta’ April għalqet l-età sabiħa ta’ mitt sena.
Toti romlot 35 sena ilu. Qattgħet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha l-Kanada.
Akkumpanjata minn oħtha Luċija Cassar, ta’ 90 sena, mal-mikrofonu ta’ One News Toti rrakkontat episodji minn ħajjitha tul is-snin: il-ġurnata tat-tieġ tagħha, il-familja u t-trobbija ta’ wliedha, fost oħrajn. Bejn tbissima u oħra, qbadniha magħha dwar l-imħabba tagħha u qbadniha dwar żgħożitha u fi żmien in-namrar.
Carmela Muscat qalet “Namrati kelli kemm trid, imbagħad trakkajt mar-raġel tiegħi, li kelli, mir-Rabat.”
B’imħabba kbira tkellmet dwar frott iż-żwieġ tagħha – uliedha.
Hija qalet ukoll “Ta’ tfal li kienu. Il-bqija qatt ma kelli trouble. Dejjem kienu all right. Kienu jmorru l-iskola u jiġu, imorru għand ommi.”
Carmela Muscat semmiet ukoll id-differenza bejn dari u llum, u dwar ħidmet il-mara matul is-snin.
hija qalet “Illum in-nisa jaħdmu u allura iktar ma jiddependux mir-raġel. Jiena qatt ma ħdimt, la hawn u lanqas il-Kanada.”
Tkellmet ukoll dwar is-sagrifiċċju li tagħmel l-omm għal uliedha.
Carmela qalet “L-omm tagħmel kollox għal uliedha: taħdem minn bi nhar sa bil-lejl. Min jaf kemm għamilt iljieli mqajma bit-tfal. Not easy biex trabbi t-tfal. “
Fl-okkażjoni ta’ għeluq sninha, Carmela Muscat irċiviet diversi awguri fosthom mingħand il-Papa Franġisku, il-President ta’ Malta George Vella, u r-Re Karlu III u r-Reġina Camilla.