Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, għalliema lmentat kif tfal li jinsabu mhux biss fil-klassi tagħha qed jingħataw ikel mhux sustanzjuż mill-ġenituri għall-iskola.
Spjegat kif għall-ewwel meta kien ikun hemm student jew tnejn b”lunch’ mhux xieraq ma kienet tgħid xejn, iżda li issa din saret qisha n-norma fejn meta tkellmet ma’ għalliema oħra fl-iskola li taħdem qalulha li anke l-istudenti fil-klassijiet tagħhom.
L-għalliema sostniet li fost il-‘lunch’ li jingħataw it-tfal, qed ikun hemm studenti li jkollhom biċċa ħobż tal-Malti midluka b’xejn, crackers u anke hemm min ikollu għaġin abjad. Qalet li dan ifisser li dawn l-istudenti żgur mhux forsi jispiċċaw isibuha diffiċli biex jikkonċentraw matul il-jum waqt li jkunu l-iskola għax kull ma jkunu kielu hu ftit tqiq.
Hi kitbet kif meta jitkellmu mat-tfal dawn jgħidulhom li d-dar jieklu għaġin abjad jew chicken nuggets. Spjegat kif qabel fil-passat kienu bosta ġenituri li jitimaw lit-tfal tagħhom ikel sustanzjuż bħal minestra, għaġin biz-zalza u ħafna iktar; anke jekk it-tfal kienu jgħidu li ma jħobbuħx u dan għax dak iż-żmien l-istess ġenituri ma kinux iċedu mill-ewwel.
F’messaġġ lil bosta ġenituri, l-għalliema qaltilhom li ma jistgħux iċedu mill-ewwel meta t-tfal jgħidulhom li ma jħobbu xejn, fejn iridu jkunu huma li jikkwandaw lit-tfal u mhux il-kontra. Temmet billi qalet li tispera li ħadd ma joħodha fuq demm id-dars.
Intant kienu għexieren ta’ ġenituri li taħt kkummentawlha kif it-tfal tagħhom ma jħobbu jieklu xejn, u meta jibgħatuhom b”lunch’ li jkun pereżempju, ħobża bil-perżut, jispiċċaw iġibu l-kaxxa tal-‘lunch’ lura bl-affarijeit fiha li ma jħobbux.
Sostnew li għalkemm kemm il-darba ppruvaw jitimgħu lill-uliedhom ċertu ikel, dawn jispiċċaw itellgħu l-ikel lura jew iħalluħ hemm għax ma jkunux iriduh. Ġenitur minnhom kitbitilha u qaltilha li għalkemm wieħed mit-tfal tagħha jieħu l-iskola crackers b’xejn jew ġieli anke ħobż b’xejn, dan ma jfissirx għax hi bħala ġenitur ma tagħtix każ. Iżda għax dak hu li jkun irid wieħed minn uliedha u jekk tagħtih differenti, mhux talli jispiċċa jiekol ħobż b’xejn iżda jispiċċa ma jiekol xejn.
Uħud ikkummentaw kif ġieli jkun hemm każijiet speċjali fejn forsi l-familja affettwata jkollha problemi finanzjarja u jaf tkun qed tagħmel mill-ftit li tista’ biex titma’ lill-uliedha mill-aħħar mod li tista’ u li kull każ hu differenti.