Għalliema Maltija ta’ 63 sena, li kienet tgħix f’Sirakuża, tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ il-Ħamis li għadda fir-reġjun ta’ Moray fl-Iskozja. Hija kienet fost ħames persuni li tilfu ħajjithom mad-daqqa.
Frances Saliba Patanè, li kienet tgħallem l-Ingliż u magħrufa l-aktar ma’ sħabha bħala Silvana, kienet waqt btala mar-raġel tagħha u familja oħra minn Sirakuża meta l-minibus li kienu rekbin fuqu, ħabat ma’ karozza li fiha kien hemm erba’ persuni oħra.
L-inċident seħħ ftit qabel nofsillejl fil-villaġġ ta’ Keith qrib kastelli medjevali magħrufa sew mat-turisti.
Sfortunatament, Saliba Patanè tilfet ħajjitha fuq il-post flimkien ma’ wieħed miż-żewġ subien tal-familja l-oħra, Lorenzo, li kellu biss erba’ snin.Tliet passiġġieri li kienu fil-karozza, żewġ anzjani ta’ disa’ u sittin sena u sebgħin sena u raġel ta’ tlieta u sittin sena, kollha mill-Iskozja, tilfu ħajjithom fuq il-post.
Intant l-omm taż-żewġ subien li kienu fil-vann tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li binha ta’ tliet snin u r-raġel tagħha flimkien mar-raġel ta’ Saliba Patanè fortunatament ħelsuha ħafif.
Ix-xufiera tal-karozza tinsab rikoverata l-isptar fejn ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.
Il-midja Taljana rrapportat kif dawk abbord il-karozza kienu għadhom kif telqu minn attività mużikali f’Elgin, li kienet issir b’mod regolari, u li kienu jattendu għaliha ta’ spiss tul dawn l-aħħar snin.
Il-Konslu Ġenerali Taljan fl-Iskozja spjega kif dawk abbord il-vann kienu sejrin lejn Aberdeen waqt li kienu qed iżuru l-pajjiż waqt btala.
It-triq ingħalqet għal aktar minn tnax-il siegħa u nfetħet il-Ġimgħa filgħodu wara li tneħħew il-vetturi mit-triq.
Il-Pulizija tal-Iskozja qiegħda taħdem qatigħ sabiex issib tarf ta’ kif seta’ seħħ dan l-inċident.
Kien għalhekk li ħarġet appell biex kull min għandu xi informazzjoni jew forsi xi filmat meħud b’dash cam li jista’ jitfa’ dawl ta’ x’seta’ kkawża dan l-inċident fatali, jgħaddih lill-Pulizija sabiex jintuża waqt l-investigazzjonijiet.