Carmel Agius, għalliem tal-arti mill-Fgura, ġie pprojbit mill-professjoni tal-għalliema wara li nstab ħati li abbuża sesswalment minn studenta ta’ 12-il sena.
Ir-raġel ta’ 55 sena, li fi Frar li għadda ġie kkundannat sentejn ħabs talli bagħbas studenta tiegħu fil-klassi waqt li din kienet waħedha miegħu fl-2018, kien appella mid-deċiżjoni, iżda l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza.
Minbarra t-teħid tal-warrant li allura jimpedih milli jgħallem, isem Agius ukoll ġie mniżżel fir-reġistru tal-pedofeli jew ta’ dawk ħatja b’abbużi sesswali.
Il-Qorti ċaħdet talba għal biex isem ir-raġel ma jissemmiex, iżda imponiet divjett fuq isem l-iskola u isem il-vittma.
L-istudenta kienet xehdet quddiem maġistrat inkwirenti wara li ommha għamlet rapport lill-Pulizija. Fix-xhieda tagħha, hi kienet qalet li, ftit ijiem qabel il-vaganzi tal-Għid tal-2018, kienet qiegħda taħdem fuq proġett tal-kanvas mal-għalliem tal-arti meta dan qalilhom li, jekk il-proġett ma jlestuhx, kienet se tiġi affettwata l-marka finali tagħhom. Għaldaqstant ġew offruti li, jekk riedu, setgħu jmorru fil-klassi meta jkollhom xi free lesson biex ikompluh.
Meta t-tfajla għamlet dan darba minnhom, hi kienet waħedha fil-klassi, meta Agius kien qagħad qribha u beda jmissha b’mod indiċenti, b’riżultat li bdiet tħossha skomda ħafna.
Meta fetħet qalbha mal-ġenituri tagħha waqt vaganza, infetħu l-proċeduri.
Jirriżulta li Agius ukoll qed jiffaċċja investigazzjoni kriminali fuq rapporti ta’ allegati abbużi oħrajn li waslu għand il-Pulizija li seħħew fl-istudjow personali tiegħu barra l-iskola, fejn kien jagħti lezzjonijiet privati.