Jum wara li, mal-ġurnal Sunday Times of Malta, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-Partit Nazzjonalista weġġgħu aktar mill-kanċer li qiegħed jieħu l-kura għalih, id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm qal li dwar dan m’hemm l-ebda kwistjoni.
Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista t-Tnejn waranofsinhar, meta ġie mistoqsi mill-midja dwar episodju ieħor ta’ ġlied u firda fil-Partit Nazzjonalista.
Il-mistoqsija tal-midja kienet dwar dak li qal Robert Arrigo mat-Times f’intervista li xxandret il-Ħadd:
“Naħseb il-weġgħat li saru huma ikbar milli qed inħoss issa fil-cancer, personali għax inħobb il-partit.
Madankollu, quddiem din id-dikjarazzjoni b’saħħitha, Ivan J. Bartolo, għal darba darbtejn wieġeb li fuq l-uġigħ li esprima Robert Arrigo ‘hemm l-ebda kwistjoni. Fi kliemu:
“At the end of the day, ħa ngħidlek, jiena nemmen li ma hemm l-ebda kwistjoni. Nassigurak li ma hemm l-ebda kwistjoni, allura m’għandi l-ebda kumment x’nagħmel.”
Intant, id-deputat l-ieħor li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, Ivan Castillo, evidentament ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid u approva dak li qal Bartolo, id-deputat li kien ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu lil Bernard Grech wara li sar kap għall-ewwel darba. Castillo qal:
“Jiena m’għandi xejn iżjed xi nżid ma’ Ivan. Naħseb qaxxarha r-risposta.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet minn deputati tal-Partit Nazzjonalista jkomplu ma’ dawk li għamel il-Kap biex jostor il-ġlied, il-firda, u l-intriċċi li għadhom qed jiddominaw fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet ta’ Robert Arrigo li twarrab mill-Partit Nazzjonalista u li ntqal lilu li tajjeb biss biex jiġbor il-flus, Bernard Grech lil Arrigo ħareġ igiddbu.
Ġurnalist – “Qal li twarrab minnek u mill-Partit Nazzjonalista.”
Bernard Grech – “Ma huwa veru xejn, ma huwa veru xejn.”