Josef Farrugia ta’ 39 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li t-Tnejn waranofsinhar seraq €16,000 minn karozza pparkjata.
Ir-raġel, li madwar sena u nofs ilu ħareġ mill-ħabs wara li skonta sentenza ta’ 14-il sena ħabs, wieġeb mhux ħati.
Filwaqt li l-prosekuzzjoni talbet li jinżamm arrestat minħabba li jidher li hemm kompliċi li għadu maħrub, id-difiża sostniet li r-raġel għandu jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament minħabba l-vizzju tad-droga.
Wara li kkunsidrat il-fedina penali kkulurita tal-akkużat, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Iktar qabel: Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestat raġel ta’ 39 sena b’konessjoni ma’ serqa ta’ €16,000 minn vettura f’ Santa Venera.
ONE News hu nfurmat li fil-ħin li ġej il-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti lir-raġel u tixlih b’ serqa aggravata minn vettura f’Santa Venera fil-15 ta’ April li għadda.
Sorsi qalu ma’ one.com.mt li f’din l-allegat serqa kienu nsterqu €16,000 fi flus kontanti, ċekkijiet u oġġetti personali tal-persuna.
Il-każ ġie nvestigat mill-Ispetturi Mario Xiberras u Stacey Attard mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u d-distrett rispettivament.