Żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat li għal-ħabta tat-3:15 tas-Sibt filgħodu ħebb għal ġuvni ieħor fi stabbiliment tad-divertiment fir-Rabat. Iż-żgħażugħ li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti wieġeb mhux ħati li kkawżalu ġrieħi gravi u li kissirlu nuċċali.
Id-difiża mmexxija mill-avukati Albert Zerafa u Valentina Lattughi talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.
Dan hekk kif l-akkużat stqarr li huwa kien aggredit waqt li kien mat-tfajla tiegħu u kellu jiddefendi ruħu.
Il-Prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għal din it-talba, u wara li rat li ż-żagħżugħ għandu fedina penali nadifa, il-Qorti ordnat il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000.
Huwa ġie ordnat jiffirma kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa fl-għassa. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma.