L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tinkwieta li l-ħaddiema li qegħdin fuq il-Covid Wage Supplement qegħdin komdi u ser jippreferu ma jaħdmux.
Din il-preokkupazzjoni bbażata fuq skorrettezzi kbar urieha d-deputat tal-Partit Nazzjonalista Joe Ellis li fil-Parlament talab lill-Ministru għall-Finanzi jserraħlu moħħu li l-ħaddiema tal-Covid Wage Supplement mhux ser jippreferu joqogħdu jpappuha minn fuq l-istat flok jaħdmu.
Ellis qal, “Jista’ l-Ministru jserħilna rasna illi min qed jieħu l-Wage Supplement m’għandux diżinċentiv milli jagħmel xogħol utli? U jidhirlux il-Ministru illi l-Gvern għandu jikkonsidra li jagħti inċentiv lil imprendituri privati illi jibdew iħaddmu nies illi fil-preżent qegħdin fuq il-Wage Supplement u li forsi qegħdin komdi fuq il-Wage Supplement.”
Għal din id-dikjarazzjoni, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana stqarr kif din turi n-nuqqas ta’ għarfien tad-deputat tal-Kap Bernard Grech dwar il-Covid Wage Supplement. Huwa nnota kif il-ħaddiema Maltin u Għawdxin dawn mhux talli mhumiex sangisugi tal-istat kif qed jipprova jpenġihom il-Partit Nazzjonalista iżda dawn qed jingħataw l-għajnuna waqt li qed ikomplu jaħdmu f’setturi milquta sew mill-pandemija.
Il-Ministru Caruana stqarr: “Mr Speaker niddejjaq inkun ċiniku fir-risposti tiegħi imma nispera li jekk xi darba l-PN ikun fil-Gvern ma tkunx inti l-Ministru tal-Finanzi għaliex mill-mod ta’ kif qed tpoġġi l-mistoqsija tiegħek jidher biċ-ċar illi qiegħed turi li ma tifhimx x’inhu l-Wage Supplement għaliex il-Wage Supplement propju qed jingħata sabiex iwieżen dawk in-nies li huma attivament fix-xogħol, mhumiex qegħdin jirreġistraw, mhumiex qegħdin ifittxu xogħol alternattiv, huma nies li qegħdin jaħdmu imma għaliex il-business tagħhom jew ta’ min qed iħaddimhom intlaqat b’mod ħażin allura aħna qed naraw li dawn in-nies jibqgħu fix-xogħol.”
Waqt li kien qed jagħmel il-mistoqsija parlamentari, id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal ukoll li mhux vera l-Gvern kellu ‘War Chest’ għal żmien il-pandemija.
Ellis sostna: “Id-diskors li sar li għax kellna ‘War Chest’ huwa kollu inveritier.”
Dan għalkemm l-għaqal tal-Gvern sabiex juża r-riserva li kien ġemma wassal biex fi żmien il-pandemija seta’ jimplimenta settijiet differenti ta’ għajnuna li fost l-oħrajn wasslet sabiex pajjiżna isalva mal-mitt elf impjieg fi żmien meta il-qgħad kompla jiżdied madwar id-dinja. Dan b’kuntrast ma’ pajjiżna fejn anke f’dan iż-żmien ta’ sfida kompla jnaqqas il-qgħad għal livelli bla preċedent.