Il-Partit Nazzjonalista kien assenti għal kollox minn laqgħa tal-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament fejn kienet ikkomunikata u diskussa deċiżjoni importanti favur l-ambjent Malti u l-inħawi rurali taż-Żejtun. Filwaqt li fil-media u bil-paroli l-PN qal li qalbu taħarqu għall-ambjent, kien assenti għal kollox mill-kumitat li kellu wkoll l-irwol li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar x’inhi triq ‘il quddiem għaż-żona.
Irreaġixxa dwar dan il-Partit Laburista fi stqarrija fejn qal li dan ġara ladarba kien mgħarraf li mhux se jkun hemm estensjoni industrijali, fejn għal darb oħra l-gvern qed jieħu deċiżjoni konkreta favur l-ambjent Malti.
Mid-deputati kollha li ftit tal-ġimgħat ilu marru jippużaw għar-ritratti f’Bulebel ħadd ma ddenja ruħu jattendi l-kumitat parlamentari. Dak li seħħ ilbieraħ hu sintomatiku tal-PN ta’ Adrian Delia. Partit fejn bid-diskors u biex jidher quddiem il-cameras jgħid ħafna, iżda bl-azzjoni ma ssibu qatt u mkien. Filwaqt li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet huwa fl-iktar livelli baxxi.
Fl-assenza tal-PN il-gvern kien qed ireġġa’ lura deċiżjoni ambjentali ta’ Jason Azzopardi fl-2012, biex aġixxa favur il-bdiewa u l-ambjent ta’ Bulebel.