Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-midja tiegħu fetaħ attakk fuq il-parteċipanti nisa li qegħdin jieħdu sehem fil-programm LEAD.
Il-programm tnieda f’nofs is-sena li għaddiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat bħala parti minn pjan ta’ għaxar snin għall-ugwaljanza biex nofs il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali tal-2027 jkunu nisa.
Fit-tnedija tal-programm, Dr Muscat fisser din il-mira bħala waħda ambizzjuża izda qal li dan hu moviment li ma jixba’ qatt mill-bidla u mdorri jwettaq l-impossibbili.
L-attakk li fetaħ il-Partit Nazzjonalista fuq dan il-programm jsegwi dak tal-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Adrian Delia li hekk kif ħa tmun tal-partit, iddeskriva dan il-programm bħala wieħed ta’ konvenjenza politika.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-attakk fuq dan il-programm qed jerġa’ juri l-ħsieb ta’ tmexxija li għaliha mhix prijorità li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fil-postijiet fejn jittieħdu l-iktar deċiżjonijiet importanti.
Qal li dan l-attakk jikxef kif jaħsiba l-Kap Nazzjonalista u l-partit li jmexxi meta għalihom programm indirizzat biex iħejji għexieren ta’ nisa għad-dinja politika huwa programm li jitkellem fuq il-ħwejjeġ tad-ditta u l-make up.
Xhieda tal-gideb ta’ Adrian Delia huma l-istess parteċipaneti ta’ LEAD li b’reazzjoni għal kampanja qarrieqa tiegħu tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom u fissru kif LEAD qed joffri opportunità biex jesponu t-talenti tagħhom fosthom bi spazju fil-media u jagħtihom iċ-ċans li jaqsmu l-esperjenzi ma’ professjonisti u nies ta’ esperjenza kbira.
Qal li dan kollu qed isir f’ambjent ta’ appoġġ għall-familja fosthom permezz ta’ faċilitajiet ta’ child care waqt is-sessjonijiet.
Il-Partit Laburista nnota meta Adrian Delia juri li ma jifhimx dan kollu, ma joħodhiex bi kbira meta jinnota li mindu ħa tmexxija, in-nisa f’karigi importanti fil-Partit Nazzjonalista naqsu u mhux żdiedu.
Il-Partit Laburista qal li se jkompli bil-ħidma biex dan id-defiċit fir-rappreżentanza femminili jkun indirizzat u kampanji bħal din ta’ Delia juru għax għal darb’oħra jrid ikun il-Partit Laburista l-protagonist li jġib il-bidla.