Għall-Oppożizzjoni, Malta kienet tkun mal-180 Megawatt nieqsa minn kemm għandha bżonn enerġija biex tagħti provvista tal-elettriku għall-pajjiż.
Dan il-fatt innutatu fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, fosthom mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Lill-kelliem għall-enerġija ta’ Bernard Grech, il-Ministru Dalli saħqet kif għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, l-interconnector kien ikun biżżejjed biex jiġġenera l-enerġija li għandu bżonn il-pajjiż iżda dan il-Gvern jemmen fid-diversifikazzjoni tal-enerġija.
“Nirringrazzja lil Bambin li mhux inġinier l-Enemalta għax li kien għalih, inti għedt l-Enemalta kienet tgħaddi mingħajr l-impjant il-ġdid. Aħseb u ara kemm kienet se tgħaddi l-Enemalta. U ħa nispjegalek u ntik naqra numri. Illum il-ġurnata għandna kapaċità tal-enerġija li tilħaq is-750MW. Li stennejna lilek, illum il-pajjiż għandu bżonn madwar 580MW biex jgħaddi, li kieku qgħadna nistennew lilek illum, taf kemm għandna llum? 400MW. Għax sa ftit ilu bqajt tgħid li l-interconnector biżżejjed.”
Dr Dalli saħqet li l-Gvern huwa kburi b’kull sors tal-enerġija għaliex jaqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż, fosthom l-interconnector b’elettriku ġej minn Sqallija u l-impjant il-ġdid li jaħdem b’sors t’enerġija iżjed nadif mill-heavy fuel oil ta’ żmien GonziPN.
Quddiem anki ħsara momentarja fl-interconnector fl-Italja, waqt maltempata li bħala proċedura l-ħażna mal-impjant il-ġdid f’Delimara ma kienx possibbli li tibqa’ sorġuta fil-port, l-Oppożizzjoni saħansitra nfexxet tgħajjar lill-ħaddiema tal-Enemalta li waqt l-istess maltempata kbira li laqtet lill-pajjiż, assiguraw mill-ġdid provvista tal-elettriku fi żmien qasir.
“U jiena minn hawnhekk insellem lit-tim kollu tal-Enemalta għaliex kuntrarjament għall-Onor. kollega mhux se ngħajjarhom pupazzi għax hekk għajjartuhom lill-ħaddiema tal-Enemalta, pupazzi. Imbagħad meta ġibdulek l-attenzjoni ppruvajt tibdilha. Aħna kuntenti bil-ħaddiema tal-Enemalta, għaliex bis-saħħa tagħhom, bis-saħħa tagħhom konna f’sitwazzjoni li jekk żviluppat ħsara fin-naħa ta’ Ragusa, bis-saħħa tal-ħaddiema tagħna rnexxielhom jagħtu l-provvista tal-elettriku lill-pajjiż f’temp ta’ siegħa u nofs.”