Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jipprova jilgħab għall-gallarija daqs li kieku huwa xi paladin tal-ġurnaliżmu hija raġuni oħra għaliex ħadd m’għadu jieħu lill-Partit Nazzjonalista bis-serjetà.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija fejn sostna wkoll li Adrian Delia kien l-istess persuna li kien ressaq diversi protesti kull darba li l-istazzjon nazzjonali għażel li jxandar konferenzi tal-aħbarijiet tal-Gvern li jkunu ta’ interess nazzjonali, bid-domandi kollha tal-ġurnalisti, l-iktar b’rabta ma’ miżuri kontra l-pandemija.
Il-Partit Laburista kompla jistqarr li bejn ix-xhur ta’ Marzu u Ġunju li għaddew il-Partit Nazzjonalista ilmenta mill-inqas 10 darbiet mal-istazzjon nazzjonali jew mal-Awtorita tax-Xandir fuq paranoia ta’ żbilanċ politiku.
Għaldaqstant, għal wieħed mill-ilmenti mressqa mill-Partit Nazzjonalista propju fit-18 ta’ Mejju li għadda, l-Awtorità tax-Xandir iddeċidiet li f’konferenzi tal-aħbarijiet futuri, l-istazzjon nazzjonali jibda jxandar biss il-parti fejn jitħabbru l-fatti ta’ interess nazzjonali filwaqt li kummenti politiċi waqt it-tweġibiet għad-domandi tal-ġurnalisti jixxandru biss fuq pjattaformi diġitali jew servizzi oħra.
“Issa, għax l-istazzjon nazzjonali qed isegwi d-direttiva tal-Awtorità tax-Xandir wara l-ilment tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ħareġ jgħid li qed issir forma ta’ ċensura”, kompla jgħid il-Partit Laburista.
L-istqarrija temmet tgħid li għaldaqstant, il-Partit Laburista qed jifhem li, wara d-dikjarazzjoni tal-lum minn Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista mhux se jkollu iktar oġġezzjoni li konferenzi tal-aħbarijiet tal-Gvern li jkunu ta’ interess nazzjonali jixxandru fl-intier tagħhom fuq l-istazzjon nazzjonali u mezzi oħra tax-xandir.
https://www.one.com.mt/2020/08/19/l-awtorita-tax-xandir-ticcara-li-kien-il-pn-li-fgunju-ilmenta-fuq-ix-xandir-tal-mistoqsijiet-fil-konferenzi-tal-ahbarijiet/