Il-ħdax-il jum tal-kampanja elettorali u għal dan il-jum il-Prim Ministru Joseph Muscat, permezz ta’ Facebook Live, tkellem dwar il-Matematika.
Il-Prim Ministru qal li “dalgħodu l-ħabib tiegħi l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li lit-18,000 penzjonant irid iżidhom €22 fil-ġimgħa, ġifieri jiġu €1,144 fis-sena… Staqsewh kemm tiswa’ din il-miżura u hu qal li din tiġi tiswa €8.5 miljun.”
Dwar dan it-total il-Prim Ministru talab lil kull min għandu kalkolatur biex jagħmel is-somma ta’ €1114 x 18,000, fejn għalkemm il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li tiġi €8.5 miljun, ir-riżultat fuq il-kakolatur juri mod ieħor. Il-kakolatur juri li din il-miżura tiġi tiswa €20,592,000.
Muscat kompla billi qal li dan ifisser li “anke fuq somma daqstant sempliċi, proposta bażika, illi hija ċarissima li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna tiswa €8.5 meta fil-verità tiswa €20.5 miljuni.” Muscat semma kif il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux idea kif timxi l-ekonomija u lanqas dwar il-kalkoli bażiċi ta’ kif tmexxi l-finanzi tal-pajjiż.
Muscat fakkar ukoll dwar kif “minn naħa l-oħra llum l-Kummissjoni Ewropea qaltilna ‘Malta’s solid growth continues’ u hekk se nkomplu nagħmlu aħna bl-għajnuna tagħkom.”