Għall-ħames darba, il-każini tal-baned fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin se jerġgħu jgawdu minn fond ta’ għajnuna ta’ mija u sittin elf ewro, li se jkun amministrat mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera qal li b’kollox l-investiment tal-Gvern f’dawn l-għaqdiet jiżboq it-tmien mitt elf ewro, fosthom għajnuna għall-kmamar tan-nar u tal-armar tal-festi.
Huwa qal, “Ibbenefikaw aktar minn mija u għaxar każini fl-aħħar ħames snin. Allura aħna bħala Minsiteru għandna l-obbligu li nsostnu u ngħinu t-tradizzjonijiet Maltin biex inkomplu nsaħħu l-identità tagħhom.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Albert Marshall qal li l-viżjoni tal-Kunsill għall-kultura popolari se tippermetti biex dan ikun sostnut b’mod sostenibbli. Hawn fakkar ukoll li l-Kunsill jirrikonoxxi l-festa Maltija bħala parti kruċjali mit-tessut kulturali tal-gżejjer Maltin.
Huwa stqarr: “U li qed inniedu llum t-tielet attentat biex nabbraċċjaw l-elementi kollha tal-kultura popolari, li t-tokk tagħha hu fi ħdan il-komunitajiet tal-festi, tan-nar u li jtellgħu dak kollu li hu marbut mal-kultura popolari.”
Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Noel Camilleri qal li dan hu konferma tal-importanza li dan il-qasam għandu fil-kultura Maltija u ħeġġeġ lill-każini tal-baned japplikaw għal dawn il-fondi.
Huwa sostna: “Għandhom jużawhom b’mod trasparenti u għall-aħjar mhux biss tal-każin tal-banda imma tal-komunità wkoll, għaliex finalment is-soċjetajiet tal-banda huma imporanti fil-ħajja soċjali, kulturali u mużikali ta’ kull belt u raħal ġo pajjiżna.”