L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi ħeġġet lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jieħdu rwol ta’ tmexxija fl-implimentazzjoni tal-għanijiet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli.
Ħeġġet aktar effiċjenza fil-finanzjament umanitarju u dak ta’ żvilupp u qalet li dan huwa importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-faqar.
Marlene Mizzi għamlet dikjarazzjoni qawwija waqt dibattitu fil-plenarja gewwa Strasburgu, fejn il-Parlament Ewropew iddiskuta l-istat attwali tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta ‘Żvilupp Sostenibbli.
Innotat li mhux sigriet li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma fornituri kbar dinjijin għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja. Ir-rwol tagħhom qiegħed kontinwament jinbidel fil-konfront ta’ pajjiżi inqas żviluppati u dawk li ħierġin minn gwerer.
Għalhekk Mizzi temmen li hemm bżonn iħarsu lejn kif l-għajnuna qed tiġi utilizzata, lejn fejn qed imorru l-flus u min qed jibbenefika minnhom. Żiedet tgħid li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-miljuni li qed jiġu kontribwiti mil-UE jkunu ta’ beneficcju għall-ħafna, mhux għall-ftit.