Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-inkjesta pubblika hija sors ta’ gimmicks politiċi. Il-mozzjoni li qal li se jressaq hija parti minn din it-tattika.
Min-naħa l-oħra, għall-gvern l-inkjesta pubblika hija għodda oħra biex ikompli r-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni. Kien għalhekk li mal-mument li ġiet ippubblikata beda jispjega fid-dettall ir-riformi meħtieġa u kif se jsiru. Inkluż bi spjega ċara fil-Parlament.
Fil-fatt, filwaqt li l-Parlament għaddej b’diskussjoni b’rabta mar-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta fuq talba tal-gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni mhedi fil-gimmicks politiċi barra l-Parlament.
Il-Partit Laburista nnota li fuq il-midja tiegħu l-ewwel qal li se jlaqqa’ grupp parlamentari urġenti, biex ftit minuti wara ħareġ quddiem il-Parlament jgħid li jrid jisfiduċja tliet Ministri.
Li ma jgħidx il-Kap tal-Oppożizzjoni hu li hemm bidliet importanti li qed isiru llum u li kienu proposti meta deputati tiegħu kienu parti mill-aħħar gvern nazzjonalista. Dak il-gvern m’għamilhomx.
Minflok huwa dan il-gvern li qed jagħmel il-bidliet meħtieġa.
“Il-maskra ta’ Bernard Grech reġgħet qed taqa’. Jinteressah mill-gimmicks politiċi u mhux mir-riformi fis-settur,” temm jgħid il-Partit Laburista.