Għall-Glorja tal-Patrija! hija ġabra ta’ 20 ħrafa ta’ Aleks Farrugia li jistħarrġu l-identita’ Maltija billi jgħaddu minn perjodu storiku għall-ieħor u jlaqqgħuna ma’ dawk li sawru l-Istorja – il-Maltin, jew aħjar dawk li ħajjithom twaħħdet mal-ħajja fuq dawn il-gżejjer, għat-tajjeb jew il-ħażin. Anke jekk it-tajjeb u l-ħażin huma bosta drabi relattivi ħafna. Xi minn daqqiet umoristiċi, drabi oħra traġiċi – kultant it-taħlita tat-tnejn hija brutali – dawn ir-rakkonti jħalltu doża ta’ ironija taqta’ flimkien mal-empatija u l-imħabba lejn karattri ta’ nies żgħar, dawk li għexu fil-periferija tal-Istorja.
Għall-Glorja tal-Patrija! jitlaq mill-Preistorja, fejn wara eluf ta’ snin fl-aħħar se niltaqgħu mal-ewwel Malti u nsolvu l-misteru dwar min hi l-mara l-ħoxna. Ilaqqagħna wkoll mal-imbroljun Pupull, u naqraw kif b’kelma waħda rnexxielu jsawwar storja sħiħa ta’ pajjiż. Qatt smajt biż-żmien fejn Malta kienet deżerta għajr għal kolonja ta’ ħmir? U l-Konti Ruġġieru … x’rabta għandu mal-Għadira? Fl-aħħar se nsiru nafu x’wassal lil Pietru Caxaro jikteb ‘Xidew il-Qada’, l-ewwel poeżija bil-Malti, u d-dnub mistur warajha. Se niltaqgħu wkoll ma’ Ġiżwaldu, il-veru eroj tal-Assedju l-Kbir. U Dun Mikiel Xerri – x’inhu l-kumplott li l-Maltin ma kinux jafu bih?
Ovvjament ma jistgħux jonqsu r-referenzi aktar kontemporanji. Bħal-leader li niltaqgħu miegħu fl-1987, wara li ħa l-ġurament, miexi lejn il-gallarija tal-Palazz ħa jsellem lill-poplu, bi ħsibijietu jmorru lura lejn il-mixja twila lejn il-poter. Niltaqgħu wkoll mal-Maltin ta’ Brussell, li xammru mneħirhom u aktar. Kif ukoll immorru x’imkien fil-futur u naraw x’ġara meta fil-Gvern tela’ partit li sa ftit qabel kulħadd kien jirredikolah. Sal-aħħar paġna ta’ din il-ġabra, il-qarrej se jkun fehem x’tassew jagħżilna minn popli oħrajn u jagħmilna Maltin.
Għall-Glorja tal-Patrija! huwa pubblikazzjoni tal-SKS. Din l-antoloġija ta’ stejjer qosra se tkun imnedija f’serata li ssir fil-MUZA, il-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru fis-7.30pm. Tul is-serata se jkun hemm partijiet mill-istejjer li jiġu drammatizzati minn Anthony Ellul u Anna Bassilly. Wara dawk li jattendu jistgħu jiltaqgħu mal-awtur waqt riċeviment. Dħul b’xejn.