Dawk kollha b’ħiliet relatati max-xogħol tal-ġebla, l-injam, it-tessuti, il-karta u l-metall, għall-ewwel darba jistgħu japplikaw għall-Heritage Skills.
Dawn huma abbiltajiet meħtieġa għat-tlestija ta’ xogħol relatat mal-isfera tal-patrimonju kulturali.
Il-ftuħ tal-applikazzjonijiet, tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Huwa spjega li inizjattivi ta’ din ix-xorta qed jirrikonoxxu lil dawk b’ ħiliet tas-sengħa jew artiġjanat patrimonjali, filwaqt li jżommu s-snajja’ bħala parti integrali mill-istorja ta’ pajjiżna.
Sabiex wieħed ikun eliġibbli biex japplika, għandu jippreżenta portafoll bix-xogħlijiet tiegħu kif ukoll il-kwalifiċk akkademiċi jew professjonali. Barra minn hekk, hemm ukoll numru minimu ta’ snin ta’ esperjenza li wieħed għandu jkollu biex jipprattika din il-sengħa.
Għal aktar informazzjoni jew sabiex japplika, wieħed għandu jżur is-sit elettroniku tas-Sovratendenza għall-Wirt Kulturali: schmalta.mt.