“Il-Gvern ma jistax imexxi l-pajjiż mingħajr l-id il-leminija tiegħu: mingħajrkom.”
Kien b’dan il-mod skjett, li l-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza lil bosta Kapijiet ta’ Entitajiet u Dipartimenti tal-Gvern, fil-ftuħ tal-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku, bit-tema “Lejn Servizz ta’ Eċċellenza.”
Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar snin sar investiment fin-nies għan-nies, u kull uffiċjal fis-servizz pubbliku huwa kruċjali biex is-servizz jingħata bl-aħjar mod. Filfatt qal li huwa inutli li jkollna ekonomija b’saħħitha, nies jaħmdu, u baġits tajbin, jekk il-poplu ma jinqediex meta jiġi bżonn is-servizzi tal-Gvern.
Meta elenka diversi miżuri li kien hemm min qal li huma impossibbli biex jitwettqu – bħat-traħħis fil-kontijiet tal-enerġija, tablets u trasport b’xejn lill-istudenti, u childcare b’xejn għall-ommijiet li jaħdmu u jistudjaw, il-Prim Ministru qal li dan kollu rriżulta f’bidla fil-mentalità.
“Kull deċiżjoni jew nuqqas ta’ deċiżjoni għandha katina ta’ konsegwenzi b’possibilita li jiġu affettwati ħafna nies u jien inkompli ngħid li iktar napprezza deċiżjoni li tittieħed għal intenzjonijiet tajba u tkun deċiżjoni ħażina, milli deċiżjoni li ma tittiħidx.”
Meta ta ħarsa lejn iċ-ċifri, il-Prim Ministru nnota li mindu twaqqaf in-numru 153, kull xahar, daħlu tmienja u erbgħin elf telefonata. Dan filwaqt li kull xahar daħlu mal-ħames mitt imejl, u tnejn u erbgħin elf persuna aċċessew is-sit elettroniku ta’ servizz.gov.
Minkejja dan innota li s-servizz wiċċ imb wiċċ jibqa’ kruċjali, u fl-ewwel sitt xhur tas-sena, fil-ħames Hubs Reġjonali li bejniethom joffru mitejn u ħamsin servizz, irrikorrew għoxrin elf persuna.
Fl-istess perjodu, erbgħa u għoxrin persuna użaw is-servizzi fil-Hub tat-taxxa. L-aktar wieħed popolari mal-Maltin mill-erba’ Hubs tekniċi li hawn madwar il-pajjiż.
Tliet ġimgħat bogħod mill-baġit għall-elfejn u għoxrin, Dr. Muscat qal li għall-ewwel darba, ir-rapport tal-implimentazzjoni se jkun marbut mal-miri internazzjonali tal-Ġnus Magħquda – magħrufa bħala Sustainable Development Goals.
“Nuru kif dawn mhumhiex xi ħaġa ta’ fuq il-karta li mmorru nilbsu l-badge darba fis-sena imma fil-verità huma implimentati lokalment permezz ta’ miżuri li jolqtu l-ħajja tan-nies, tal-familji u tan-negozji tagħna.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-baġit li ġej, se juri kemm dan il-Gvern baqagħlu x’jaħdem, u appella lil dawk kollha fis-servizz pubbliku biex ikomplu bil-ħidma eċċezzjonali tagħhom, u jkomplu jġeddu s-servizz li diġà jagħtu b’tant dedikazzjoni.