Bejn it-18 u l-24 ta’ Ġunju, pajjiżna jinsab fiċ-ċentru ta’ kampjonat dinji ieħor fid-dinja tal-isport, hekk kif qed jospita għall-ewwel darba l-World Aquatics Men’s U16 WaterPolo Championships.
Din l-edizzjoni qed issir f’format ġdid u fiha qed jipparteċipaw aktar timijiet mill-edizzjonijiet ta’ qabel – tnejn u tletin pajjiż, b’dsatax-il tim mill-Ewropa, tlieta mill-Afrika, tlieta mill-Asja, tnejn mill-Oċeanja u ħamsa mill-Kontinent Amerikan. Il-logħob qed jintlagħbu fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u fil-Pixxina tal-Kottonera.
Fl-ewwel logħba ta’ dan il-kampjonat, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-sittax-il sena kellu wirja pożittiva ħafna, tant li għeleb lill-Każakistan bl-iskor ta’ 16-6. It-tim Malti issa jonqsu jilgħab kontra r-Rumanija u l-Ġreċja.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta, Karl Izzo, tkellem ma’ ONE News dwar l-importanza ta’ dan il-kampjonat.
“Tnejn u tletin tim, jilagħbu logħba kulljum, għandna sebat ijiem u seba’ logħbiet. L-aspirazzjonijiet tat-Tim Malti, huma tajbin nisperaw li nġibu riżultat tajjeb, qed nilagħbu mal-qawwiet mhux tal-Ewropa biss imma anke tad-dinja. Naħseb li tospità l-akbar event li hawn Malta naħseb bħala acquatics żgur imma naħseb anke sport lokali, naħseb hija sabiħa.”
Il-Ministru reponsabbli mis-settur sportiv, Clifton Grima spjega li fi ftit xhur, Malta qed terġa’ tospita kampjonat prestiġjuż ieħor u l-akbar avveniment akwatiku li qatt sar f’Malta.
Hawn spjega li dan huwa legat tal-investiment li pajjiżna għamel kemm fil-faċilitajiet kif ukoll fl-atleti nfushom.
“Pajjiżna intagħżel biex jospità dawn il-kampjonati mondjali ta’ taħt is-sittax-il sena fejn qegħdin naraw l-aqwa talent żagħżugħ li qed jilagħbu ġewwa pajjiżna, fejn għandek tnejn u tletin nazzjon minn madwar id-dinja kollha li qegħdin jieħdu sehem sabiex jiġi determinat minn huwa ċ-champion tad-dinja mondjali ta’ taħt is-16-il sena.”