Malta se tkun qed twaqqaf l-ewwel awtorità ddedikata għall-azzjoni favur il-klima, permezz t’abbozz li se jkun qed jiġi diskuss fid-dettal fil-Parlament.
L-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima se tkun qegħda tevalwa l-politika relatata mat-tidbil fil-klima biex l-azzjonijiet, li pajjiżna qed jieħu biex jimmitiga u jaddatta f’dan ir-rigward, ikunu tassew azzjonijiet pożittivi u kkordinati.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat f’aktar dettal l-abbozz li, permezz tiegħu, se tkun qed titwaqqaf din l-awtorità.
L-abbozz jipproponi li l-awtorità l-ġdida twettaq diversi funzjonijiet, fosthom li tqajjem l-għarfien u l-kuxjenza akbar dwar it-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet meħtieġa, u li timplimenta mekkaniżmi biex jiġu fformulati u addottati strumenti legali fuq livell nazzjonali jew internazzjonali b’rappurtaġġ konsolidat ta’ dak li jkun qed jiġi implimentat.
L-awtorità se tkun responsabbli wkoll li tħejji strategija nazzjonali ta’ adattament għall-klima, li taġġorna l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima, filwaqt li tiġbor id-dejta neċessarja relatata mal-azzjoni klimatika.
Il-Ministru Dalli spjegat li l-Gvern hu determinat li jippromwovu għajxien sostenibbli u għaldaqstant spjegat li jeħtieġ azzjoni deċiżiva u kkordinata favur l-azzjoni klimatika, waqt li l-isfidi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima jiddawru f’opportunitajiet.
Qalet, “Qegħdin naraw li jkollna awtorità li tkun qed tiffoka fuq l-azzjoni klimatika biex tħares lejn żewġ aspetti ewlenin, il-mitigazzjoni x’inhuma dawk l-affarjiet li għandna bżonn nagħmlu biex nistaqsu l-impatt fuq it-tibdil fil-klima. It-tieni waħda, l-addattament. Kif pajjiżna għandu bżonn jaddatta ruħu għat-tibdil fil-klima.”
L-Att jistabbilixxi wkoll li l-awtorità jkollha bord tad-diretturi u Kunsill Nazzjonali għall-Azzjoni dwar il-Klima.
Biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi, l-Awtorità se tkun qed tieħu post l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA). Għal dan il-għan, il-Gvern qed iressaq emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
L-għan ta’ dan l-abbozz hu biex jipprovdi għat-trasferiment tal-aspett tar-riżorsi mill-MRA għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA. B’hekk, l-ERA se tkun qed tingħata responsabbiltajiet ġodda biex tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi minerali u tirregola l-minerali estratti.
L-abbozz li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima hu aċċessibbli fuq is-sit tal-Parlament.