- Matul Lulju li għadda d–dħul turistiku kien ta’ €230 miljun li jfisser żieda ta’ €39.4 miljun meta mqabbel mal-aħħar Lulju taħt l-amministrazzjoni preċedenti
Illum l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika reġa’ kkonferma s-suċċess li qed jirreġistra pajjiżna fis-settur turistiku xahar wara xahar. Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, filwaqt li laqa’ dan ir-riżultat b’sodisfazzjon kbir, ikkonferma li dan kien l-aqwa xahar ta’ Lulju li qatt kellna fin-numru ta’ wasliet ta’ turisti mill-2010 ‘l hawn. L-iljieli mqatta’ mit-turisti li waslu Malta f’Lulju laħħqu l-1.9 miljun, filwaqt li l-infiq turistiku f’Lulju ammonta għal €230 miljun, żieda ta’ 4.3% fuq Lulju 2015, li fissret żieda ta’ €9.42 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
“Din hija l-ewwel darba li qbiżna ċ-ċifra ta’ miljun turist irreġistrati fl-ewwel 7 xhur tas-sena, li ssarrfet f’żieda ta’ kważi 10% fuq dak reġistrat bejn Jannar u Lulju tas-sena l-oħra’’, qal il-Ministru Zammit Lewis.
Dan kien l-istess tkabbir li rreġistrajna fl-istess perjodu tal-2011, jiġifieri fl-ewwel 7 xhur ta’ din is-sena kellna l-akbar tkabbir f’dawn l-aħħar 5 snin. Aktar minn hekk huwa tassew interessanti li ninnotaw li l-wasliet tat-turisti irreġistrati bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena żdiedu bi kważi 280,000 meta kkumparat mal-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, u li tfisser żieda ta’ 35.5%. F’dawn l-istess xhur imsemmija irreġistranja tkabbir fis-swieq turistiċi kważi kollha fejn jispikkaw żidiet sostanzjali fis-swieq ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iskandinavja, l-Istati Uniti u partikolarment dak ta’ Spanja, li għamel tkabbir ta’ 22.4%.
Bejn Jannar u Lulju kellna dħul ta’ €886 miljun f’infiq turistiku dirett, €45.1 miljuni aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra. Il-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis qal li dan hu indikazzjoni li għal darb’oħra se jkollna sajf ieħor rekord fin-numru ta’ wasliet ta’ turisti f’pajjiżna li eventwalment twassal għal sena oħra suċċess f’din l-industrija li hi tant importanti għall-ekonomija Maltija.
Ilbieraħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li f’Awwissu li għadda għaddew mill-ajruport internazzjonali tagħna kważi 600,000 passiġġier, li fissret tkabbir ta’ 2.3% fuq dak reġistrat fl-istess xahar tas-sena 2015. Huwa stmat mill-istess kumpanija li sal-aħħar tas-sena l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jilqa’ mal-kważi 5 miljun passiġġier, żieda ta’ 7.6% aktar mill-2015.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dawn ir-riżultati li qed jinkisbu fin-numru ta’ wasliet u l-infiq turistiku f’pajjiżna huma turija ta’ fiduċja internazzjonali lejn ir-reputazzjoni Malta. Minkejja l-kompetizzjoni ħarxa minn destinazzjonijiet ġirien tagħna, Malta qed jirnexxielha tattira dejjem aktar turisti barranin lejha li għażlu u ħarsu lejn pajjiżna bħala post sikur, ta’ rilassament u li jieħdu l-valur tal-ħlas għal btala tagħhom ħafna drabi b’sodisfazzjon akbar milli kienu qed jistennew, u dan kollu grazzi għall-ħidma bla waqfien u kkollaborata bejn dan il-Gvern u s-settur privat, partikolarment il-ħaddiema kollha f’din l-industrija li mingħajr il-kontribut fejjiedi tagħhom żgur li ma nilħqux dan il-livell ta’ suċċess li qed ingawdu fis-settur Turistiku Malti, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.