Nhar il-Ħadd li ġej, 14 ta’ Jannar 2024, proprju ftit jiem qabel il-festa liturġika ta’ San Publju, se ssir attività partikolari bl-istess statwa tal-qaddis.
B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli tal-Furjana, l-Imdina u r-Rabat, se tiġi organizzata ġurnata ta’ attivitajiet li jinkludu quddiesa u purċissjoni bix-xbieha ta’ San Publju. Din l-istatwa kienet ġiet inawgurata proprju fir-Rabat u l-Imdina stess.
Il-programm jibda mid-9:30 ta’ filgħodu b’quddiesa konċelebrata u mmexxija mill-Isqof George Frendo fil-Katidral iddedikat lil San Pietru u San Pawl fl-Imdina.
Għall-ħabta tal-10:15 tibda purċissjoni bis-sehem tal-fratelli u l-abbatini mill-istess Katidral. Għal din l-okkażjoni se tkun esebita wkoll relikwja ta’ dan il-qaddis Malti.
Il-purċissjoni tibqa’ sejra sal-Bieb tal-Griegi fl-Imdina fejn se tieħu xeħta oħra u tkompli minn ħdejn il-Knisja Ta’ Ġieżu fi Triq San Pawl fir-Rabat. Minn hemmhekk il-purċissjoni tkompli sal-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat, ħdejn il-Knisja ddedikata lil San Publju.
Din l-attività mhux tas-soltu qed tiġi organizzata mill-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta, għaqda volontarja li l-għan ewlieni tagħha hu li tieħu ħsieb biex tkabbar il-kult, il-wirt u d-devozzjoni lejn San Publju minn aspett ta’ kap tal-istat, kif ukoll mexxej tal-Knisja, minħabba l-fatt li kien Prinċep u Isqof.
Il-ħsieb wara l-attività hu biex l-istatwa devozzjonali ma tibqax biss fil-Furjana, iżda toħroġ ’il barra mill-Bieb tal-Bombi.