Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din hija xi ħaġa li ġrat għall-ewwel darba u huwa kkonfermat minn statistika tal-Eurostat kif tindika t-tabella hawn taħt. Ir-rata ta’ 4% li rreġistrat Malta hija inqas mill-5.5% li kienet irreġistrata f’Ġunju tas-sena li għaddiet. Hija ferm inqas ukoll mill-medja fiż-Żona Ewro ta’ 10.1%.
Tispikka wkoll ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fejn Malta rreġistrat rata ta’ qgħad ta’ 6.9% mqabbla mal-20.8% taż-Żona Ewro. Dan ifisser li fejn għandhom x’jaqsmu ż-żgħażagħ Malta wkoll għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista stqarr li dan kollu kien grazzi għad-deċiżjonijiet li ħa Gvern Laburista biex inċentiva n-negozji, biex ippremja l-bżulija u biex ħeġġeġ aktar nies joħorġu jaħdmu.
“Il-Gvern ta’ Joseph Muscat xorta waħda ser jibqa’ ffukat fuq il-ħidma tiegħu biex anke jekk ikun hemm persuna waħda li tkun qiegħda, din tingħata l-għajnuna kolha li hemm bżonn.”
Il-Partit Laburista qal li filwaqt li Busuttil kien qalilna li Labour won’t work u li l-qgħad kellu jisplodi ’l fuq, illum huwa ċar daqs il-kristall li Gvern Laburista mhux biss l-iktar Gvern fl-istorja li ħoloq xogħol, 20,000 impjieg fi 3 snin, iżda l-iktar Gvern ta’ kull żmien li naqqas ir-rata ta’ qgħad. Illum bil-fatti, Malta hija l-aqwa fl-Ewropa, temm jgħid il-PL.