Għall-ewwel darba, inħolqu kmamar apposta fejn il-Pulizija għandha l-apparat neċessarju fejn jistgħu jiġu rrekordjati b’awdjo-viżiv l-istqarrijiet ta’ persuni issuspettati. Dawn bdew jiġu mifruxa fl-għases fil-lokalitajiet kemm f’Malta u dalwaqt f’Għawdex, fejn illum tnediet l-ewwel waħda fl-Għassa tal-Mosta, bit-tlieta l-oħra jkunu fil-lokalitajiet tal-Imtarfa, iż-Żejtun u Raħal Ġdid.
Din hija kamra bajda sempliċi magħmulha hekk apposta, fejn fl-istandards tal-Pulizija huwa ippruvat li persuna waqt intervista trid tkun f’ambjent fejn għandha mill-inqas distrazzjonijiet possibli, inkluż dak fl-ambjent fiżiku. L-intervista tiġi rrekordjata u sorveljata minn Pulizija f’kamra oħra apposta għal dan.
Bħal din il-kamra, fl-ewwel fażi tal-programm ġew installati f’erba’ għases: tal-Mosta, l-Imtarfa, iż-Żejtun u Raħal il-Ġdid. Il-Ministru Carmelo Abela qal li “Kemm stajna ppruvajna nagħżlu lokalitajiet li bejniethom ikopru in-naħa ta’ fuq, iċ-ċentru u n-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Fl-għassa tar-Rabat Għawdex ix-xogħol jinsab fl-aħħar fażi.”
Hu kompla billi qal li għal Għawdex din għandha tifsira doppja għaliex tfisser inqas skariġġ fejn issa m’għandhomx għalfejn jaqsmu l-fliegu biex jiġu Malta biex il-Pulizija tieħu recording ta’ stqarrija ta’ intervisti.
Il-Ministru qal li fiż-żmien li ġej se jibda t-tieni fażi tal-programm tax-xogħol li se jara l-għases distrettwali tal-Qawra, il-Hamrun u dik ta’ tas-Sliema ukoll jġu mgħammra b’apparat simili.
Hu spjega kif fl-2016 sar tibdil fil-Kodiċi Kriminali li wassal sabiex legalment ikun ukoll elenkat li l-Pulizija setgħu jieħdu stqarrijiet ta’ persuni suspettati permezz ta’ rekording awdjo-viżiv bħala parti mix-xogħol investigattiv tagħhom.
“S’issa dejjem kellna sitwazzjoni fejn jekk fl-opinjoni tal-Pulizija l-interrograzzjoni, it-tweġibiet li jingħataw għaliha u l-proċeduri kollha relatati mal-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata tkun teħtieġ recording awdjo-viżiv ta’ dan seta’ isir f’post wieħed biss. Kellna sitwazzjoni fejn f’Malta u Għawdex kollu kien hawn biss dan l-apparat fil-Kwartieri Ġenerali,” qal dan il-Ministru Abela.
Hu kompla billi qal li “ħdimna biex nagħmlu titjib sabiex il-ħidma tal-Pulizija kontra l-kriminalita’ tissaħħaħ b’aktar għodda inkluż fuq livell ta’ distretti.”