“Illum ma kellna l-ebda każ pożittiv. Din hija aħbar tajba ħafna li tkompli titjieb meta naraw ukoll li mil-bieraħ sal-lum kellna 33 każ ieħor li fiequ. Għandna aktar każi ta’ nies qed ifiqu milli jimirdu bil-COVID-19”.
Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbru dan wara li fis-7 ta’ Marzu ii għadda feġġ l-ewwel każ ta’ COVID-19.
Ikkonfermaw ukoll li minn aktar minn 28,000 test li saru f’Malta, b’kollox ħarġu 448 każ pozittiv.
Issa, in-numru ta’ każijiet attivi ta’ COVID-19 f’Malta jgħodd il-162.
Il-Professur Gauci qalet li issa l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jkomplu jsegwu u jsaħħu s-sorveljanza li jagħmlu fuq is-sitwazzjoni lokali u internazzjonali. F’ħarsa li tat lejn il-mod kif infirxet din il-marda f’Malta, il-Professur Gauci qalet li l-maġġoranza tal-pazjenti huma residenti fiż-żoni tal-portijiet tal-pajjiż, u kellhom bejn l-20 u l-34 sena. Hawnhekk żiedet tgħid li “din hija sitwazzjoni li rridu nkomplu nsegwu, anzi u nsaħħu s-sorveljanza tagħna għaliex irridu nkunu żgur li naqbdu l-każijiet t’hemm barra biex nagħmlu l-monitoraġġ, niżolawhom, nagħmlu l-intraċċar u anke l-kwarantina”.
Mill-bidu tal-imxija tal-marda f’Malta l-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa kellhom għan ċar; li l-firxa tkun waħda ikkontrollata. Fi kliem il-Ministru Fearne is-sitwazzjoni attwali hija filfatt aħjar minn dak prevvist. Id-Deputat Prim Ministru qal li “dan mexa aħjar milli konna qed nipprevedu. Konna qed nippreparaw biex fis-sitwazzjoni jkollna kapaċità aqwa minn dak li kellna bżonn s’issa. Mill-bidu nett għamilna l-appell biex ma jkollniex nużaw dawn il-preparamenti kollha li għamilna. Dawn għadhom hemm u se jibqgħu hemm”.
Il-Ministru Fearne appella sabiex nibqgħu nsegwu l-miżuri u restrizzjonijiet li ħabbar il-Gvern, għaliex il-pandemija f’pajjizna għadha ma spiċċatx.
“Mhux illum, imma fil-jiem li ġejjin inkunu nistgħu nibdew naraw x’nistgħu nirrevedu minnhom. Se jkun hemm miżuri li rridu nirrevedu biex nerġgħu inżidu numru ta’ servizzi tas-saħħa li naqqassna biex niffokaw fuq il-COVID-19, se jkun hemm miżuri li rridu nemendaw u nibdlu biex nerġgħu niftħu l-ħajja soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin, u se jkun hemm miżuri li rridu nibdlu jew innaqqsu biex nerġgħu nagħti spinta lill-ekonomija tal-pajjiż”, temm jgħid il-Ministru Fearne.