Stqarrija maħruġa mill-Gvern ta’ Malta
Wara s-surplus li nkiseb fl-2016, fl-ewwel kwart tal-2017 pajjiżna wkoll kiseb surplus fil-finanzi pubbliċi. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena s-surplus diġà laħaq l-€44 miljun.
Din kienet l-ewwel darba li ġie reġistrat surplus fl-ewwel kwart tas-sena – perjodu li storikament ma jkunx daqstant tajjeb għall-finanzi pubbliċi. Fil-fatt is-sena li għaddiet – is-sena tal-ewwel surplus -kien hemm defiċit ta’ €68 miljun fl-ewwel kwart tas-sena.
Dan ifisser li mqabbel mal-2016 – li kienet sena rekord għall-finanzi pubbliċi – fl-ewwel kwart tal-2017 kien hemm titjib ta’ €113 miljun fil-finanzi pubbliċi, skont il-kejl tal-Eurostat.
It-tnaqqis fid-defiċit seħħ għax id-dħul tal-Gvern għola għal kważi €980 miljun, iġifieri €137 miljun iktar mill-2016. Minkejja t-tnaqqis repetut fl-income tax – miżura li tat għexieren ta’ miljuni lill-familji tagħna – il-Gvern kompla jdaħħal ferm iktar minn din it-taxxa minħabba ż-żieda qawwija fl-impjiegi kif ukoll bit-titjib fil-profitti tan-negozji. Tkabbir ta’ din in-natura hu l-aqwa ċertifikat tal-andament ekonomiku qawwi li kellu pajjiżna fil-bidu tal-2017. Dan fi żmien meta skont l-Oppożizzjoni kien hawn inċertezza kbira u ħafna negozji kienu se jagħlqu.
Minħabba li ż-żieda relattivament żgħira fl-ispiża pubblika matul l-ewwel tliet xhur tal-2017 kienet ferm inqas mir-rata ta’ tkabbir ekonomiku, l-ispiża tal-Gvern bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali kompliet tonqos, biex niżlet minn 39% tal-ġid nazzjonali fl-2016 għal 37% din is-sena.
It-tisħiħ li qed iseħħ fil-finanzi tal-Gvern qed iwassal biex il-piż tad-dejn nazzjonali jaqbad it-triq tan-niżla. Għall-ewwel darba mill-1998 ’l hawn, pajjiżna għandu piż tad-dejn nazzjonali taħt is-60% tal-ġid nazzjonali. Fl-ewwel kwart tal-2017 id-dejn nazzjonali waqa’ taħt 59% tal-ġid nazzjonali, li jfisser li din l-amministrazzjoni ġabet fix-xejn iż-żieda fil-piż finanzjarju tad-djun li wettqu tliet amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Quddiem dawn ir-riżultati fiskali pożittivi fl-ewwel kwart tas-sena l-Gvern se jkompli jaħdem favur klima ta’ investiment pubbliku u ta’ ottimiżmu. Din l-aġenda progressiva mħaddna fil-manifest elettorali tal-Gvern, se twassal għal iktar titjib sostanzjali għall-familji u għan-negozji tagħna.